Wara li akkuża lil ONE News bi spin dwar il-każ ta’ ġlied waqt il-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun, fejn partitarju Nazzjonalista ġie msawwat tant li kellu bżonn jiġi operat, id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott issa qal li min għamel ħażin hemm il-ġustizzja x’jiffaċċja.
Carabott qal dan waqt li kien qed jiġi mistoqsi minn ġurnalist ta’ ONE b’rabta ma’ din il-materja barra l-Parlament.
Dan speċjalment wara li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech innifsu, f’intervista minn ġurnalist ta’ dan l-istazzjon, iddeskriva l-każ bħala “affarijiet li jiġru”.
“Affarijiet li jiġru. Affarijiet li jiġru.”
Madankollu, wara li seħħ il-każ, Carabott b’differenza għal dak li qal il-Kap tiegħu, akkuża lil dan l-istazzjon bi spin.
“Jiena m’iniex se nkun parteċipi mal-ispin li intom għaddejjin biha, kif għedt inti issa li ilha ġimagħtejn u fuqhom.”
Iżda ffaċċjat mill-ġdid issa b’mistoqsija dwar dak li kien qal, anke fid-dawl li l-Kap Nazzjonalista kkontradixxa għal kollox kliem Carabott, id-Deputat Nazzjonalista deher skomdu għall-aħħar.
Ġurnalist: Insellimlek Onorevoli, kont hemm meta lill-Kap tiegħek ma ħallewhx jidħol fil-każin tal-Ħamrun
Darren Carabott: “Uwejja ħa nibqgħu għaddejjin biha.”
Dan minbarra li, bħal Kap qablu, ma kellu l-ebda alternattiva ħlief li jammetti l-verità dwar dak li ġara.
Darren Carabott: “Iva u nħallu l-proċess ġudizzjarju, min għamel ħażin, għamel ħażin, hemm il-ġustizzja”.
Sadanittant, ftit tal-jiem ilu, dwar il-każ ta’ Noel Mifsud Bonnici, li kien il-vittma fl-inċident nhar San Gejtanu, u kif il-preżenza tal-Kap Bernard Grech wasslet għal din il-ġlieda, anke skont xhieda fil-Qorti, il-Kap Nazzjonalista mera s-sewwa magħruf.
Ġurnalist – “Ma tinkwetakx li l-preżenza tiegħek fil-marċ ta’ San Gejtanu qajmet din il-ġlieda, bħala Kap Nazzjonalista?”
Bernard Grech – “Lanqas xejn, lanqas xejn, għax mhux il-preżenza tiegħi qajmet il-ġlieda! Mhux bil-preżenza tiegħi tqajmet il-ġlieda!”