Skulturi fil-ġebel inkixfu b’kumbinazzjoni f’Jannar li għadda, waqt xogħol volontarju li kien qed isir fil-bażilika tal-Isla.
Il-parti li nkixfet hija parti minn dak li kien baqa’ mill-Knisja, peress li din kienet iġġarrfet fi żmien il-Gwerra. Aktarx li pilastri oħrajn li jinsabu fuq l-istess naħa tal-knisja u għandhom skultura simili, għadhom mgħottija.
Fil-ġranet li ġejjin se jinbeda xogħol ta’ restawr biex dawn l-skulturi jinkixfu kollha u jiġu kkonservati bħala parti mill-patrimonju nazzjonali.
Waqt żjara li għamel fil-Knisja, il-Ministru Joe Mizzi qal li kif ġie mgħarraf b’din is-sejba, mill-ewwel offra l-għajnuna permezz tal-Uffiċċju tal-Proġetti għar-Riabilitazzjoni, li se jkun qed jieħu ħsieb ukoll il-perizja u l-monitoraġġ tax-xogħol.
Inħareġ ukoll tender għar-restawr tal-koppla tal-knisja u fil-ġranet li għaddew bdew jitwaħħlu pigeon protection spikes fuq parti mill-faċċata tal-knisja, waqt li tlestew ukoll ix-xogħlijiet preparatorji għar-restawr tal-faċċati esterni tal-knisja ta’ San Ġiljan, fl-Isla. Barra minn dawn, qed isiru t-tħejjijiet għar-restawr ta’ partijiet esterni tal-knisja ta’ San Filippu.