Wara kampanja sħiħa ta’ kritika fil-konfront taċ-ċekkijiet ta’ għajnuna li ħareġ il-Gvern tul il-pandemija u quddiem l-isfida tal-inflazzjoni, issa l-Partit Nazzjonalista, f’u-turn oħra, qal li permezz ta’ dawn l-istess ċekkijiet kellhom jingħataw iktar flus.
Din l-inkonsistenza fil-politika tal-Partit Nazzjonalista ħarġet waqt konferenza tal-aħbarijiet li għamel l-istess Partit, dwar l-isfida tal-għoli tal-ħajja.
Fil-fatt, meta l-ġurnalist tal-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE osserva li Malta għandha l-inqas rata ta’ inflazzjoni u staqsa x’qed jagħmlu aħjar minna pajjiżi oħrajn fl-Ewropa, id-Deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi għamel minn kollox biex jaħrab mid-domanda u, f’ħin minnhom, sabha diffiċli biex iwieġeb.
Ġurnalist – “Mhux hekk staqsejtek: x’qed jagħmlu pajjiżi Ewopej oħrajn aħjar minna, dwar din l-isfida?”
Charles Azzopardi – “…..”
Kien hawn li Charles Azzopardi, evidentament konfuż, aċċenna għaċ-ċekkijiet li ta l-Gvern u, mhux talli qabel magħhom, talli qal li kellhom jingħataw iktar flus.
“Forsi l-vawċers minflok kienu ta’ mija u mitejn ewro, kienu jkunu ta’ mitejn u erba’ mitt ewro.”
Madankollu, din id-dikjarazzjoni tmur kontra n-narrattiva tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u l-Partit li jmexxi.
F’kull ċans li kellu l-Partit Nazzjonalista kkritika bl-aħrax iċ-ċekkijiet li ta l-Gvern biex jistimula l-ekonomija u biex ikun ta’ spalla għall-poplu Malti.
Fost l-oħrajn, fl-indirizz tiegħu sentejn ilu għall-Baġit li ressaq il-Gvern, Bernard Grech qabbel il-ħruġ tal-vawċers tal-mitt ewro li taw injezzjoni lill-ekonomija, ma’ pala biex biha nerġgħu noħorġu l-ilma minn ġod-dgħajsa.
“Din bħal meta naqbdu l-ilma, u noħorġuh mid-dgħajsa malajr fil-ġenn. Imma llum, illum, meta suppost kellkom pjan, illum, meta suppost kontu tafu x’se tagħmlu, il-Ministru tal-Finanzi reġa’ tana Baġit illi fih kull ma tana pala biex bil-vouchers nerġgħu noħorġu l-ilma mid-dgħajsa.”
Dan filwaqt li, ftit tal-ġimgħat ilu, l-istess Kap, b’referenza għaċ-ċekkijiet ta’ sostenn, qal li l-Gvern bihom xtara l-elezzjoni.
“Nefaqhom biex ikun jista’ jixtri l-voti tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Intant, riċentament, propju qabel l-aħħar kampanja elettorali, il-kelliem ta’ Bernard Grech, Peter Agius, qabbel il-ħruġ taċ-ċekkijiet ma’ soppa msaħħna.
“Din hija soppa msaħħna li Robert Abela ħareġ mill-friġġ.”