Wara li bagħat ittra lit-Task Force t’Azzjoni Finanzjarja, l-FATF, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li d-deċiżjoni tal-FATF hija kastig.
Dan saħqu f’messaġġ irrekordjat li bagħtu lill-midja.
Fl-ittra li bagħat il-ġimgħa oħra, qabel l-eżitu tal-FATF, Bernard Grech għadda numru ta’ botti kontra l-awtoritajiet preżenti ta’ pajjiżna.
L-istess awtoritajiet li bl-azzjonijiet tagħhom, għaddew lil Malta mit-test tal-MoneyVal.
Kien il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana li nnota l-aħħar paragrafu tal-ittra ta’ Bernard Grech fejn saħansitra f’botta sottili indika lill-istess FATF li Malta għandha titpoġġa fil-lista l-griża.
Clyde Caruana kien saħaq li jispera li min kiteb l-ittra lil Bernard Grech mhuwiex daqsekk familjari mal-proċess u warajha ma hemmx xi ħsieb, xi mottiv ulterjuri li qed jipprova jagħti indikazzjoni lil ħaddieħor ta’ fejn għandu jmur.
“Qed nirreferi għall-aħħar paragrafu fejn fl-ittra jgħid, ‘u aħna lesti nsegwu dak kollu li tgħidulna taħt l-FATF.’ Dik b’mod indirett qed tgħid isma’ itfgħu lil Malta fil-lista l-griża”, kien saħaq il-Ministru għall-Finanzi.
F’artiklu l-Ħadd li għadda, il-ġurnalist t’esperjenza Saviour Balzan saħansitra kiteb li kien iddiżgustat meta qara l-ittra ta’ Bernard Grech mibgħuta lill-FATF.
Balzan, li ilu s-snin jirrapporta u janalizza żviluppi politiċi u ġrajjiet kurrenti, qal li jissuspetta li wara l-ittra hemm id-daqqa ta’ Richard Cachia Caruana.
Quddiem l-involviment ta’ Cachia Caruana fil-Partit Nazzjonalista li mindu sar Kap Bernard Grech, reġa’ beda jiddetta, Balzan kiteb li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qed jaqra mit-teleprompter dak miktub lilu.
Intant f’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħaxija minn Kastilja wara rapporti tad-deċiżjoni tal-FATF, il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna li pajjiżna mhux se jitħassar lilu nnifsu jew jissuppervja.
Qal li Malta se tibqa’ tiddjaloga biex tikkonvinċi fuq il-ħafna riformi li diġà saru u li se jibqgħu jsiru, irrispettivament minn xi skrutinju iżda għaliex il-Gvern huwa konvint li dak li jsir huwa meħtieġ għall-ġid tan-negozji u l-familji.
Dr Robert Abela qal li bħal ma’ min iħaddem u l-ħaddiema sabu Gvern ta’ spalla waqt pandemija u anki biex jilqa’ għall-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, hekk ukoll se jsib Gvern li jibqa’ jkattar il-ġid u jattira l-investiment.