L-istilla ta’ Hollywood Scarlett Johansson irrifjutat li toqgħod f’dar storika f’Hampstead, waqt il-ġbid tal-film il-ġdid fis-serje ‘Jurassic World’ f’Londra, minħabba biża’ dwar sigurtà għaliha u wliedha, li qed jakkumpanjawha.
Il-midja Britannika rrapportat li l-attriċi, li għadha kemm ħalliet Malta fejn ukoll kienet qed tiġbed xeni għall-istess film, kienet imkexkxa mill-aħħar inċidenti vjolenti u rvellijiet madwar ir-Renju Unit u ma ħassithiex sigura biżżejjed fid-dar li ntagħżlet għaliha fis-subborg fit-Tramuntana tal-kapitali.
Hi, fil-fatt, ċaqilqet il-familja tagħha minnufih għal suite lussuża fil-Mayfair Hotel, li jingħad tiswa mas-sittin elf lira Sterlina kull lejl. Mifruxa fuq aktar minn elf metru kwadru, is-suite fid-disa’ sular tinkludi erbat ikmamar tas-sodda, ġnien u pixxina privata fuq is-saqaf u servizz ta’ butler erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Il-ġbid tar-raba’ film tal-‘Jurassic World’ mistenni jieħu sa Ottubru li ġej fis-Sky Studios ta’ Londra, wara li l-kast għal dan il-blockbuster il-ġdid ħalla pajjiżna dan ix-xahar stess.
Fil-perjodu li damet Malta, Johansson ħadet gost anke ddur diversi stabbilimenti u ħwienet, inkluż wieħed tad-deheb, waqt li ritratti tagħha tippoża ma’ Maltin ittellgħu fuq il-midja soċjali.