Ilbieraħ l-attivisti mill-Front Emerġenza Ambjent daħlu Manoel Island wara li fetħu, permezz tal-għodda, l-ħadid li kien qed jgħalaq l-aċċess. Dalgħodu numru ta’ nies ħadu l-opportunita’ li jgħumu u jistadu fost oħrajn, f’din iż-żona li kienu mcaħħda minna għal dawn l-aħħar sittax-il sena, minħabba xogħlijiet li suppost qed isiru fiż-żona.
Huma ħadu dan il-pass wara li l-Kunsill Lokali tal-Gżira għamel protest ġudizzjarju u saħansitra organizza protesta biex għamel il-punt li mhux aċċettabbli li l-post huwa magħluq mill-konsorzju MIDI li ma żammx il-kelma tiegħu mal-Gżirjani għal ħafna snin.
Front Emerġenza Ambjent irringrazzjat lill-Kunsill Lokali wara li s-Sindku tal-Gżira esprima sodisfazzjon fuq Facebook għad-deċiżjoni li ħa l-Kamp Emerġenza Ambjent li jiftaħ l-aċċess għal Manoel Island.