Marokkin ta’ 36 sena, li jgħix fi Spanja u jaħdem bħala kok, ġie estradit minn Spanja lejn Malta fil-lejl li għadda, wara li nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kontrih dwar rapporti ta’ vjolenza domestika fuq l-eks sieħba tiegħu.
Minkejja dan, meta r-raġel tressaq fil-Qorti, l-allegata vittma riedet tirtira l-akkużi, fejn qalet li dan kien inċident iżolat lura f’Jannar tal-2024 u li hi għadha tħobbu. Fuq il-pedana tax-xhieda, hi saħansitra spjegat kif xorta waħda baqgħet titla’ ħdejh Spanja.
Dwar dan inġibditilha l-attenzjoni mill-Qorti, li hi xorta baqgħet iċċempel b’mod frekwent lit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika dwar il-każ u ġiet imwissija dwar il-konsegwenzi ta’ din id-deċiżjoni, li wkoll involut spejjeż u riżorsi kbar.
Il-Qorti rrimarkat li persuna għandha tifhem li rapporti simili m’għandhomx isiru kapriċċjożament, anke għax f’każ bħal dan intefqu l-eluf biex l-akkużat inġieb minn barra minn Malta.
Hawn l-Avukat Franco Debono, li deher għall-akkużat, faħħar lill-Prosekuzzjoni li kompliet tinvestiga l-każ, minkejja l-bdil fil-fehma tal-mara.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, laqgħet it-talba tal-mara u waqqfet il-proċeduri kriminali.