Mijiet ta’ studenti mistennija joħonqu s-sala Sir Temi Zammit, tal-Università ta’ Malta, meta llum isiru sessjonijiet ta’ tagħrif qabel jiftħu l-applikazzjonijiet għall-Junior College. Pass ieħor fil-ħolma ta’ ħafna li jidħlu l-Università.
Wara xhur ta’ studju u taqtigħ il-qalb sakemm wasal l-SMS mistenni bir-riżultat issa huwa l-mument tad-deċiżjoni.
L-istudenti jkunu ilhom ġimgħat itellgħu u jniżżlu x’se jagħżlu bħala suġġetti. Għax normalment anke dawk konvinti x’se jieħdu bħala karriera, xorta waħda jkunu indeċiżi dwar xi
suġġett jew tnejn, fosthom dawk f’livell intermedjarju.
Il-laqgħat tal-lum huma maqsuma fuq nofstanhar fejn jibdew fi tmienja u nofs u kull siegħa u nofs issir laqgħa ġdida fejn l-istudenti tqassmu skont il-kunjom.
“Tkun eċitat bilfors. Studjajna ħafna għal O’levels u issa rrid nara li nieħu l-aħjar deċiżjonijiet għax bihom marbut mhux biss għal sentejn imma x’aktarx għal ħajti,” qalilna student li tkellimna miegħu permezz ta’ facebook. Fisser kif laqgħa bħal din għandha sservi wkoll ta’ kuraġġ għal sħabu li forsi għandhom xi resit. “Għax jiġu l-laqgħa u jerġgħu jimtlew kuraġġ, jiftakru dak li dejjem xtaqu,” żied jgħidilna.
Fil-fatt huma bosta l-istudenti li bdew sessjonijiet ta’ lezzjonijiet privati bil-għan jirkupraw f’xi suġġett jew tnejn li ma marrux tant tajjeb.
Fost oħrajn mijiet applikaw għal klassijiet ta’ reviżjoni b’xejn koordinati mill-Ministeru tal-Edukazzjoni bħala parti mill-Garanzija Għaż-Żgħażagħ.