L-għaqda Malta Gay Rights Movement sostniet li wissiet dwar każijiet ta’ persuni vulnerabbli li huma msieħba fil-Komunità Evanġelika River of Love, mmexxija minn Gordon Manchè.
Fuq il-paġna tagħha fuq facebook, l-MGRM qalet li tinsab imħassba bil-qtil tat-tfajla Paulina Dembska, Pollakka ta’ disgħa u għoxrin sena, li ġiet stuprata u mietet fgata.
Filwaqt li l-MGRM spjegat li mhux se tikkummenta fuq il-każ inkwistjoni, innutat li l-allegat qattiel, Abner Aquilina, kien jissejjaħ bħala wieħed mill-aħwa fil-Knisja tar-River of Love.
L-MGRM mhux l-ewwel darba li rrimarkat dwar prattiċi tar-River of Love, fosthom dwar dawk imsejħa konverżjonijiet ta’ persuni ‘gay’ għal ‘straight’.
Dawn il-konverżjonijiet saru illegali.
Gordon Manchè tar-River of Love ddistakka ruħu mis-suspettat li hu mifhum li ġieli attenda xi attivitajiet tar-River of Love.
Manchè saħaq li Abner Aquilina qatt ma kien parti mir-River of Love.
Rapporti qed jgħidu li s-suspettat qal lill-pulizija li huwa kien manipulat mix-xitan meta qatel lil Dembska.