Kull deni ħudu b’ġid.
Hekk tista’ tiġi deskritta l-esperjenza tal-koppja Mario Farrugia u Therese Micallef, li f’Mejju li għadda sfaw misruqa u spiċċaw b’ta fuqhom senduqhom.
Il-koppja, li t-tnejn li huma neqsin mid-dawl, joqgħodu fi dwejra fiż-Żejtun, u magħna esprimew dieqa għal meta nsterqu, imma wkoll sodisfazzjon u gratitudni għall-għajnuna li ingħataw.
“Ifhem dakinhar daħlu fuqna u ħadulna dawk il-flus għax lagħbni li qal li hu tad-dawl sakemm ħadli li kelli, għenuni ħafna nies, nirringrazzja lil kulħadd mill-qalb”
Joan Agius, produttriċi tal-programm Problemi tal-Qalb fuq One Radio u community worker fiż-Żejtun, fissret f’liema stat kienet id-dwejra tal-koppja.
“Did-dar kull m’hawn kamra fuq u oħra isfel, mhawnx kobor u Mario u Therese ilhom għal żmien twil, Mario twieled hawn, trabba hawn u għex f’din id-dar, għalkemm hu għami, jafha bl-amment, anke meta pruvajna noħorġuhom minn hawn, ma riedux pero kienu jgħixu fil-faqar, iva faqar kbir”
B’sodisfazzjon spjegatilna kif il-komunita Żejtunija u l-poplu Malti offra l-id tal-ġenerożita tiegħu.
“Pero’ wara s-serqa kulħadd ikoppera, xħin għamilna l-avviż li nixtiequ ngħinuhom, il-flus bdew ġejjin, kif qed tara għamilnilhom kċina bellezza issa qiegħa għal qalbhom, anke Therese għallimtha kif tnaddaf, biex iżomm daqsxejn iżjed nadif, Mario dejjem jgħinu ‘l xulxin.”
Aspett li anke Therese kkonfermat.
“Jien qed inħossni tajba ħafna u noqgħod nibża għall-kċina u nnadafha u hekk.”
Minbarra t-tibdil fid-dar, ġiet installata sistema ta’ alarm biex il-koppja tgħix b’aktar serħan il-moħħ, iżda mhux biss.
“U anke xi ħaġa pożittiva wkoll, ma kellhomx social worker min jieħu ħsiebhom u issa qegħdin fin-negozjati biex jekk alla jrid ikollhom persuna li ssegwihom u tkun tista tara l-bżonnijiet tagħhom għax mhux sew dawn iż-żewġ persuni bid-diżabilita li għandhom, ma jkollhomx min isegwihom.”
Min-naħa tiegħu, Mario kellu messaġġ għal kull min jgħaddi minn xi buraxxka ta’ din ix-xorta.
“U kull min jiġrilu hekk nikopera miegħu, jalla ma jiġrux dal-każijiet, għax fil-bidu konna ħafna batuti u kellna ħafna stress fuqna imma issa nirringrazzjaw ‘l alla qegħdin mhux ħażin.”