Fl-ewwel jum ta’ sena ġdida, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li bħala poplu hemm bżonn li nibqgħu naqdfu – anki jekk f’baħar imqalleb – biex naslu lura fuq ix-xtut familjari.
Qal li dak li ksibna sa issa bħala pajjiż, b’ħidma għaqlija u b’viżjoni ambizzjuża, m’għandniex nitilfuh, anzi nsaħħuh.
Fi żmien meta kulħadd jaħseb biex ikun verżjoni aħjar tiegħu nnifsu, ir-riżoluzzjoni ta’ Chris Fearne għas-sena li ġejja hi li b’impenn wiesa’ jiġi megħlub il-ħażin u jsiru r-riformi meħtieġa biex titkompla t-triq ta’ suċċessi li kapaċi jwettaq Gvern Laburista u l-poplu Malti u Għawdxi.
“Fi żmien ta’ maltemp, it-tentazzjoni tkun li tinsa t-tajjeb u s-suċċessi ta’ żmien il-bnazzi. Imma wara l-maltemp jiġi l-bnazzi u allura waqt li naħdmu flimkien biex ngħelbu l-gwaj li qed naffaċċjaw, tajjeb niftakru li f’dawn is-seba’ snin għamilna passi ta’ ġgant. Biddilna wiċċ Malta bl-investiment li kienet tant għatxana għalih. Tajna nifs ġdid lill-familji u lin-negozji, u hekk ser inkomplu nagħmlu. ”
Chris Fearne temm jgħid li s-snin li ġejjin għandhom ikunu opportunità biex jissaħħaħ dak kollu li jagħmilna Maltin, fl-istess waqt li tintrebaħ il-fiduċja li setgħet intilfet.
Temm bl-impenn li l-elfejn u għoxrin tkun sena li ssaħħaħ u ġġedded lil pajjiżna.