“Wara l-maltemp jiġi l-bnazzi. Ġie l-bnazzi għax għandna Gvern seren fil-ħidma tiegħu, u dik hija d-differenza ewlenija bejn dan il-Gvern u min jimmilita kontrih.”
Hekk beda d-diskors tiegħu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fl-ewwel attività politika lura fil-lokalitajiet wara l-pandemija, fil-Mosta.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Serenità u fiduċja. Dik is-serenità li mbagħad tinqaleb f’fiduċja, magħna aħna Gvern tal-kelma, li jekk jagħtik kelma, taf fejn qiegħed miegħu. M’aħniex Gvern li niddilettaw bil-manuvri minn wara. Qatt ma kien l-istil tiegħi u qatt mhu se jkun. Aħna dak li tara, huwa dak li hu.”
Il-Prim Ministru qal li dan qed jiġu nnutat mhux biss f’pajjiżna imma anki barra minn xtutna, u hawnhekk irrefera għaż-żjara tal-Prim Ministru Libjan f’Malta aktar kmieni din il-ġimgħa.
Qal li l-fiduċja ma’ pajjiżi oħra hija relazzjoni kumplimentari li mhux faċli biex tibniha, faċli biex titlifha, u kontinwament trid tibqa’ taħdem biex issaħħħaħha.
B’referenza għal dak li qed jiġri f’Lampedusa, il-Prim Ministru Robert Abela qal li f’pajjiżna rażżanna l-influss tal-immigranti, u dan mhux b’kumbinazzjoni.
Dr Abela sostna: “Jekk tħalli l-affarijiet għall-kumbinazzjoni, ngħidilkom sa dalgħodu stess. Għandek dgħajsa wara dgħajsa wara dgħajsa ġejjin lejn pajjiżna ta’ kuljum, din hija r-regola ta’ kuljum. Forsi intom ma tkunux tafu, ħafna ma jkunux jafu, ta’ kuljum aħna jkollna mijiet ta’ immigranti ġejjin lejn pajjiżna jew lejn Lampedusa. Bil-ħidma li aħna qegħdin nagħmlu mal-Gvern Libjan, rażżanna dak l-influss ta’ immigranti lejn pajjiżna.”
Dwar l-aspetti differenti li ġabet magħha l-pandemija, il-Prim Ministru semma l-aspett mediku, li filwaqt li sal-lum, pajjiżi oħra ma jistgħux jirkupraw b’numru ta’ infezzjonijiet u mwiet, f’pajjiżna hawn normalità assoluta.
Fuq l-aspett ekonomiku, li saħansitra ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni Ewropea, Dr Abela qal li dan is-suċċess sar għax il-Gvern kien iffukat, anki jekk kien għadu dieħel fit-tmexxija wara l-elezzjoni ta’ Mexxej tal-Partit Laburista.
L-għada li l-aġenzija ta’ kreditu Fitch ikkonfermat ir-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli għal pajjiżna, il-Prim Ministru qal li jinsab sodisfatt u kburi bir-riżultati li nkisbu fl-aħħar seba’ snin, imma jrid jara li għada jkun aħjar mil-lum.
Qal li wara dan kollu tibqa’ kruċjali l-fiduċja li trid tkompli tingħata lill-klassi tan-negozju f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru saħaq: “Aħna naħdmu b’mudell li ta’ fuq iva rridu nħalluhom jaqilgħu iżjed flus, imma ma ninsew qatt liż-żgħir, lill-batut, lill-fqir għax aħna Gvern soċjalista, Gvern li jħobb liż-żgħir, lill-batut u lill-fqir u li ma nistgħu ninsew qatt li dawk huma l-għeruq tal-Partit Laburista.”
Il-Prim Ministru qal li l-għeruq tal-Partit Laburista huma msejsa fuq l-imħabba lejn il-pajjiż, u huwa għax iħobb lil pajjiżu li din il-ġimgħa se jmur quddiem il-Kunsill Ewropew biex iġib l-akbar budget għas-seba’ snin li ġejjin.
Spjega li minkejja li dan jaf ikun diffiċli frott il-ġid li nħoloq f’Malta, se jaħdem biex iġib l-akbar budget għal pajjiżna.
Huwa temm jgħid: “Mhux se nġibu skużi u mhux se ngħidu għax l-istatistika qiegħda kontrina. Minkejja dan, se naħdmu biex inġibu l-ikbar budget għal pajjiżna.”
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/07/12/dan-huwa-sqaq-li-dahlu-fih-huma-u-huma-jridu-johorgu-minn-go-fih-il-pm-dwar-il-krizi-fil-partit-nazzjonalista-1/