Il-President Amerikan Joe Biden jixtieq li fiż-żmien li ġej ikollu laqgħa mal-President Ċiniż Xi Jinping.
Dan intqal permezz ta’ komunikazzjoni mill-White House mas-sit Amerikan tal-aħbarijiet, CNN.
Dan intqal b’reazzjoni ta’ laqgħat li saru f’pajjiżna, bejn is-Sibt u l-Ħadd li għaddew, bejn il-konsulent tal-President Amerikan dwar is-sigurtà tal-Istati Uniti, Jake Sullivan, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Wang Yi.
Dawn il-laqgħat bejn dawn iż-żewġ pajjiżi superpotenzi saru f’kuntest ta’ żminijiet ta’ tensjonijiet internazzjonali, hekk kif iż-żewġ naħat iridu jsaħħu r-relazzjonijiet bilaterali tagħhom.
Wara dawn il-laqgħat f’Malta, iż-żewġ pajjiżi sostnew li dawn kienu kostruttivi. L-Amerka u ċ-Ċina qablu wkoll li għandu jkun hemm aktar laqgħat u konsultazzjoni f’setturi importanti fix-xhur li ġejjin.
Il-midja internazzjonali rrapportat dawn il-laqgħat f’Malta bi prominenza, hekk kif mistenni jkun hemm laqgħa segwenti bejn iż-żewġ mexxejja tal-akbar ekonomiji fid-dinja, f’Novembru li ġej.
Din tista’ tkun ta’ opportunità biex il-mexxejja tal-Amerka u taċ-Ċina jiltaqgħu waqt l-laqgħa għolja dwar il-koperazzjoni ekonomika bejn il-pajjiżi tal-Asja u tal-Paċifiku, li se ssir f’San Francisco.
L-aħħar darba li l-President tal-Istati Uniti u taċ-Ċina ltaqgħu kien f’Novembru li għadda, fil-laqgħa tal-G20 f’Bali, l-Indoneżja.
Is-sit internazzjonali popolari Brittaniku, BBC, irrapporta li l-uffiċjal tal-Gvern Ċiniż, Wang Yi, wara ż-żjara li kellu f’Malta, kien mistenni jżur ir-Russja għal laqgħat mal-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż.
Sadanittant, il-Prim Ministru Malti Robert Abela kellu laqgħa mal-uffiċjal tal-White House, Jake Sullivan, fejn ġie sostnut l-importanza tal-istabilità fir-reġjun tal-Mediterran u anke l-paċi madwar id-dinja.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti, Ian Borg, laqa’ lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ċiniż, Wang Yi, fil-mitjar Malti. Wara kien hemm laqgħa qasira bejn iż-żewġ partijiet.
Dan filwaqt li l-President Malti George Vella wkoll kellu laqgħat bilaterali mal-Ministru tal-Gvern Ċiniż fil-Palazz Verdala.
Il-President Malti fakkar fl-impenn ta’ Malta minn żmien twil ilu favur id-diplomazija bħala strument għad-djalogu u laqa’ d-deċiżjoni tad-delegazzjonijiet tal-Istati Uniti u ċ-Ċina li jagħżlu lil Malta bħala l-post għat-taħditiet tagħhom.