L-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna talab maħfra u qal li se jieħu passi wara l-kummenti tas-saċerdot David Muscat, li qal li jekk xi ħadd ikun omosesswali, ikun agħar minn meta persuna tkun imxajtna.
Filwaqt li ma qalx x’passi se jkun qed jieħu, fl-omelija tiegħu fil-quddiesa tal-Epifanija, l-Arċisqof talab maħfra u talab lin-nies jitolbu għalih għaliex xi kultant meta l-familja tkun kbira, anki l-imsaren igergru.
Huwa talab maħfra wkoll m’għand il-ġenituri ta’ persuni omosesswali.
Saħaq li Alla jħobb lil kulħadd, hu kif inhu.
ONE News bagħat mistoqsijiet għall-Monsinjur Arċisqof u talbu jgħid x’tip t’azzjoni se tittieħed fil-konfront ta’ Dun David Muscat, qassis kontroversjali li mhux l-ewwel darba għadda kummenti estremi.
Iżda sa issa l-Arċisqof ma speċifikax x’tip t’azzjonijiet se jieħu fil-konfront ta’ Dun David Muscat.
B’rabta mad-diskors tas-saċerdot, il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga dak li ntqal minn Dun Muscat.
Dan filwaqt li fuq il-programm Pjazza mxandar fuq ONE, il-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici kkundanna dan id-diskors tas-saċerdot u sejjaħlu bħala diskors ta’ mibegħda.
Kienu bosta persuni u għaqdiet oħra li kkundannaw id-diskors ta’ Dun Muscat wara l-qtil ta’ Paulina Maria Dembska.
Fost l-oħrajn, il-Malta LGBTIQ Rights Movement, l-MGRM ukoll talbet lill-Pulizija biex tinvestiga diskors ta’ mibegħda fil-konfront ta’ persuni LGBTIQ+.
AQRA WKOLL: