B’rabta ma’ kummenti li għadda, id-direttur tal-films Ridley Scott ħareġ stqarrija li ġiet ippubblikata mill-Kummissarju tal-Films Johann Grech, fej fiha saħaq li dejjem ħares lejn Malta bħala ġojjell fil-Mediterran u ispirazzjoni artistika. Dan jidher fid-diversi films miġbudin minnu f’pajjiżna, fosthom l-iktar wieħed riċenti, it-tieni film ta’ Gladiator.
Gladiator II kien il-film li hawn Malta kellu l-akbar udjenza matul l-2024.
Scott saħaq li “l-kumment tiegħi – li għamilt waqt konverżazzjoni fid-DGA ma’ Chris Nolan – ippruvajt nuża l-umoriżmu, li sfortunatament intilef l-iskop tiegħu; il-punt li xtaqt nagħmel hu li tant qattajt ħin fuq il-gżira matul is-snin – naħdem, nesplora, nieħu gost, u nara kif inbidlet u evolviet – li ma jkollix bżonn nieħu vaganza hemm!”
Scott żied jgħid li Malta (u l-Belt Valletta) “dejjem kienet post ta’ ispirazzjoni artistika għalija. It-tama profonda u sinċiera tiegħi hija – fi żminijiet li dejjem jinbidlu – li jkunu preservati fit-tul il-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin, sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jgawdu u jitgħallmu mill-istorja unika u diversa ta’ dan il-pajjiż.”
“Fl-aħħar nett, naf li mhux qed nitkellem biss għalija iżda wkoll għal kull min ħadem fuq GLADIATOR II: aħna grati lejn Johann Grech u t-tim tiegħu fil-Kummissjoni tal-Films ta’ Malta u nħarsu ’l quddiem lejn il-kollaborazzjoni li jmiss tagħna.”