Daniel Cordina, il-Viċi Sindku taż-Żebbuġ Għawdex ħabbar li se jkun qiegħed jirriżenja mill-Partit Nazzjonalista wara l-ħatra ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Is-Sur Cordina li ilu jokkupa din il-kariga għal bosta snin kellu kliem iebes fil-konfront tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Qal li t-triq tas-sewwa spiċċat u biex tkun Kap tal-Partit Nazzjonalista trid tkun korrott.
Meta lanqas għadhom għaddew 12-il siegħa mindu Adrian Delia nħatar bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Viċi Sindku taż-Żebbuġ, li fil-kampanja kien qed jappoġġja lil Chris Said, tkellem dwar dak li sejjaħ bħala manuvri u ħmieġ li kien għaddej minn uffiċjal tal-partit li għal dawn l-aħħar disa’ snin kien parti mill-establishment tal-Partit Nazzjonalista.
“Il-manuvri u l-ħmieġ li kien għaddej minn uffiċjal tal-partit, int ma tafux u jien mal-ħmieġ ma naħdimx sorry”, qal il-Viċi Sindku Nazzjonalista waqt li ħabbar li mhux se jibqa’ parti mill-partit preżenti. Sostna li jippreferi t-triq tas-sewwa u nadifa milli t-triq tal-ħmieġ.
Qal li għalkemm hemm min jaħseb li kien qed jikteb fis-saħna tal-mument, huwa jinsab seren u kalm għax fuq il-kuxjenza m’għandu xejn.
“Jien kont nirrappreżenta lill-lokalità tiegħi bħala Viċi Sindku u nista’ niddikjara minn issa li se nkun qed nirriżenja mill-Partit Nazzjonalista u se nkun qed nirrappreżenta lil-lokalità bħala kandidat indipendenti għal Żebbuġ aħjar”, kiteb il-Viċi Sindku.
B’reazzjoni, il-kandidat tal-PN Wayne Hewitt qallu li sewwa tagħmel u li hu qed jikkunsidra li jagħmel l-istess bħala Minority Leader fuq il-Gżira. Madankollu qal li dan se jagħmlu fi żmien opportun.