It-tensjoni bejn il-Kap Nazzjonalista, Adrian Delia u l-Kap ta’ qablu Simon Busuttil kienet evidenti wkoll meta Simon Busuttil mar jitkellem fuq Net Television.
Busuttil mar fuq Net Television ftit sigħat wara laqgħa tal-grupp parlamentari li kienet mimlija tensjoni.
Laqgħa li kif żvela ONE News nhar l-Erbgħa ssejħet fuq insistenza ta’ Simon Busuttil.
Eventwalment ONE News żvela d-dettalji ta’ dik il-laqgħa u fost oħrajn ħareġ ċar kemm Busuttil u Delia baqgħu mhux komdi b’xulxin.
Dan imbagħad deher ċar meta Simon Busuttil għażel li ma jsemmix lil Delia meta semma x’kienu jagħmlu kapijiet riċenti tal-Partit Nazzjonalista. Busuttil stqarr: “Timmaġina lili x’kont nagħmel f’dik is-sitwazzjoni. Timmaġina lil Lawrence Gonzi x’kien jagħmel. Timmaġina lil Eddie Fenech Adami x’kien jagħmel.”
Busuttil għażel li jinjora lil Delia anke jekk Delia ċedielu iktar minn ħaġa waħda fis-sigħat ta’ qabel.
Fost oħrajn laqa’ t-talba tiegħu dwar x’tip ta’ referenza ssir għal Simon Busuttil.
Dan għax Simon Busuttil insista li ma jirreferux għalih bħala deputat parlamentari.
Minflok irid li kull fejn jissemma ismu jrid ikun hemm il-kliem Eks Kap tal-Oppożizzjoni. Din ukoll żvelaha ONE NEWS u meta l-Partit Nazzjonalista ppubblika l-mozzjoni kontra ċ-chief of staff tal-Prim Ministru, ir-referenza għal Busuttil kienet proprju hekk. Biex minn affarijiet żgħar sa oħrajn ikbar Delia jkun kostrett iċedi.
Dan kien biss eżempju wieħed ta’ kif fl-aħħar sigħat Busuttil deher li ried jerġa’ jimponi ruħu fuq it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Xi ħaġa li ħolqot tensjoni kbira fi ħdan l-istess partit tant li konferenza tal-aħbarijiet wara l-grupp parlamentari bdiet siegħa u nofs tard.