Wara ċerimonja mhux daqstant twila imma ferm spettakolari, waslet il-Finali tat-Tazza tad-Dinja fil-Lusail Stadium, f’Doha, fil-Qatar. Finali li kellna lill-Arġentina u lil Franza, li daħlu għal din il-logħba biex jirbħu din it-tazza għat-tielet darba fl-istorja tagħhom. L-Arġentina għollewha fl-1978 u fl-1986, filwaqt li Franza fl-1998 u fl-2018.
L-Arġentina kienu rebħu Grupp Ċ li magħhom kien hemm il-Polonja, il-Messiku u l-Għarabja Sawdija. Fit-tieni fażi l-Arġentina għelbu lill-Awstralja 2-1, fil-Kwarti tal-Finali għelbu lill-Olanda 4-3 wara l-għoti tal-penalties u għaddew għall-finali meta għelbu lill-Kroazja bl-iskor ta’ 3-0.
Franza ġew l-ewwel fi Grupp D, quddiem l-Awstralja, d-Danimarka u t-Tuneżija. Fil-fażi tal-aħħar sittax għelbu lill-Polonja 3-1, fil-Kwarti tal-Finali rebħu kontra l-Ingilterra 2-1 u fis-semifinali għelbu lill-Marokk bl-iskor ta’ 2-0.
Partita li bdiet b’ritmu tajjeb u ż-żewġ timijiet bdew juru logħob sabiħ, hekk kif jixraq lill-Finali tat-Tazza tad-Dinja.
Fil-21 minuta, l-Arġentina jingħataw penalty, wara li Ousmane Dembele mess lil Angel Di Maria u waqgħu fil-kaxxa. Żewġ minuti wara, mill-11-il metru, inkariga ruħu, bħal dejjem, Lionel Messi li għeleb lil Hugo Lloris. Għal Messi din hija s-26 logħba tiegħu fit-Tazza tad-Dinja u sar l-aktar plejer li lagħab, quddiem Lothar Matthaus li lagħab 25.
Fis-36 minuta, l-Arġentina jagħmluhom 2-0, hekk kif f’kontrattakk, trijangulazzjoni perfetta b’Messi, Mac Allister u Di Maria li rċieva l-ballun u tefgħu fix-xibka.
Ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-kowċ Franċiż Didier Deschamps għamel żewġ tibdiliet fl-attakk. Marcus Thuram, iben Lilian Thuram, ħa post Olivier Giroud u Randal Kolo Muani ħa post Ousmane Dembele.
L_ewwel bidla Arġentina waslet fl-64 minuta, meta Marcos Acuna ħa post Di Maria.
Fil-71 minuta, il-Franċiżi wettqu żewġ bidliet oħra, meta Kingsley Coman daħal minflok Antoine Griezmann u Eduardo Camavinga minflok Theo Hernanadez.
Fid-79 minuta, ir-referi jordna penalty għal Franza, meta Otamendi waqqa’ lil Kolo Muani. Minuta wara, mill-11-il metru, Kylian Mbappe għeleb lil Emiliano Martinez.
Fil-81 minuta, Mbappe bidel il-ballun ma Thuram u b’xutt first timer l-istess Mbappe għamel l-iskor indaqs.
Fl-aħħar minuta ta’ ħin miżjud, Messi mix-xutt tiegħu, ra l-ballun jiġi salvat tajjeb minn Lloris.
Il-logħba baqgħet fi draw ta’ 2-2 u għalhekk kellna mmorru għall-ħin barrani.
Fis-96 minuta, Youssouf Fofana ħa post Adrien Rabiot.
Fil-103 minuti, kien wasal il-ħin ta’ Lautaro Martinez li ħa post Julian ALvares u Leandro Paredes daħal minflok Rodrigo De Paul.
Fil-109 minuta, xutt ta’ Martinez bil-ballun salvat parzjalment minn Lloris u mill-viċin Messi skorja t-tieni gowl personali tiegħu.
Fil-117-il minuta il-ballun ħabat ma’ id Montiel fil-kaxxa, bir-referi jagħtih il-karta s-safra u jordna l-penalty. Mill-11-il metru Mbappe reġa’ għamilhom 3-3.
Fl-aħħar ħin daħal Paulo Dybala daħal minflok Nicolas Tagliafico u wara tliet minuti ta’ ħin miżjud, ir-rebbieħ kellu jiġi deċiż bl-għoti tal-penalties.
Fl-għoti tal-penalties, l-Arġentini skorjaw il-penalties kollha permezz ta’ Messi, Dybala. Fernandez u Montiel.
Għal Franza skorjaw Mbappe u Kolo Muani, filwaqt li fallew Coman b’save stupend ta’ Martinez u Tchouameni li tefa’ l-ballun barra
Ritratt: Showkat Shafi/Al Jazeera