Wara l-attakk minn Therese Comodini Cachia u minn ta’ Repubblika, li talbu biex Adrian Delia jitqaċċat mill-Partit Nazzjonalista, l-eks Kap Nazzjonalista mar fuq stazzjon privat u tkellem fuq it-tradiment.
Quddiem nies tiegħu li anki rriżenjaw mill-Partit Nazzjonalista, bħal André Grech, li qal li ma jiflaħx jibqa’ f’partit fejn tirrenja l-mibegħda, Adrian Delia saħaq li hemm il-weġgħat.
Adrian Delia, “Ehe il-weġgħa ma tistax tarmiha u mhux għax bniedem jitlef, imma għax iħossu t-tradiment.”
Il-ġimgħa l-oħra Comodini Cachia attakkat lil Delia minħabba l-eżami li Adrian Delia għamel fil-Qorti lill-editur tal-Lovin Malta b’rabta mal-libell li fetaħ kontra dan l-istess sit minħabba rapport li Delia kien f’kuntatt dirett ma’ Yorgen Fenech, wara li sar magħruf li Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.
Therese Comodini Cachia qalet kif dak li għamel Adrian Delia lis-sit li fuqu għad għandu kontroll enormi l-istrateġista ta’ Bernard Grech, Chris Peregin, kien surreali u sejħitlu wkoll bħala “poor taste”.
Fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista qal li s-saga bejn Comodini Cachia u Delia hi każ magħluq wara li l-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut qal li l-Kap tkellem maż-żewġ naħat madankollu ma’ ONE News, Adrian Delia kkonferma li l-affarijiet saru fuq it-telefon u dak mhux l-aħjar mod li bih Bernard Grech seta’ jipprova jagħlaq is-sitwazzjoni.
L-Eks Kap Nazzjonalista tenna, “Jiena fuq it-telephone ma tantx inħobb nagħmel konklużjonijiet għaliex ma naħsibx li b’telefonata huwa l-aħjar mod.”
Quddiem weġgħat li semma Delia issa fuq it-televiżjoni, ta’ Repubblika kienu ħarġu juru s-sodisfazzjon tagħhom għar-riżenja t’André Grech minn Kunsillier Nazzjonalista u mill-Partit Nazzjonalista.
“Good riddance”, kiteb ta’ Repubblika għal Kunsillier, issa indipendenti fuq Ħal Balzan.
“Għalaq il-bieb warajk u ara tazzarda tiġi lura”, żied jgħid ta’ Repubblika lil dak li baqa’ dejjem wara Adrian Delia.