Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ma attendiex għaċ-ċerimonja uffiċjali ta’ Jum il-Ħelsien, li fiha l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż isellmu lil Malta Ħielsa f’jum din il-festa nazzjonali.
Minflok Bernard Grech bagħat bil-karozza tal-Kap tal-Oppożizzjoni lid-Deputat Nazzjonalista David Agius.
F’din iċ-ċerimonja, il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni jitilgħu flimkien fuq l-Għolja tal-Ħelsien, u jpoġġu l-bukketti tal-fjuri f’riġlejn dan il-monument fil-Birgu f’Xatt ir-Risq.
Dan bħala parti mit-tifkira uffiċjali tal-Istat Malti lejn Malta Ħielsa biex jiġi kkommemorat l-għeluq tal-bażi militari Ingliża f’Malta u pajjiżna mbagħad sar newtrali jgħix fil-paċi u l-progress.
Jirriżulta li wara l-attakk tal-Partit Nazzjonalista fuq il-festival Mużika Mużika għax tkantat il-kanzunetta ‘Tema 79’ mir-Rock Opera popolari Ġensa, b’interpretazzjoni ta’ Cliff Zammit Stevens u Mary Spiteri, issa Bernard Grech ma riedx jattendi għaċ-ċerimonja tal-Ħelsien u ilu li għamilha ċara li ma kienx se jmur akkost ta’ kollox mis-Sibt filgħodu.
Grech qal lil Agius biex imur hu għax hu ma riedx jagħmel dan wara li l-midja tiegħu ippubblikat artiklu tattakka l-fatt li f’festival li jiċċelebra l-mużika Maltija, tkantat il-kanzunetta forma ta’ talba ‘Tema 79’.
Il-Ħadd filgħodu, lejlet Jum il-Ħelsien, il-Partit Nazzjonalista uża wkoll l-attività politika tiegħu li tella’ fil-każin Nazzjonalista tal-Kalkara biex jattakka wkoll b’mod qawwi l-festival tal-mużika Maltija u skontu dawn affarijiet li jiġru fil-Korea ta’ Fuq.
“U jkollok tisma’ l-propoganda partiġġjana bħal dak li jiġri fil-Korea ta’ Fuq.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Charles Bonello
Sadanittant, il-midja Nazzjonalista anki ċċensurat il-kelma “Ħelsien” mill-artiklu li ppubblikat f’dan il-jum nazzjonali.
