Iż-żgħażagħ huma l-benniena tal-ideat, tal-enerġija u l-perseveranza.
Dan kien kliem mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela waqt it-tielet attività politika organizzata miż-Żgħażagħ Laburisti bit-tema ‘Together We Are’.
Fil-Foss tal-Imdina mdawra biż-żgħażagħ Lydia Abela rrimarkat li l-Partit Laburista qed iressaq ’il quddiem pjan li huwa costed u realistiku filwaqt li għandu l-għan li jinvesti fin-nies.
“Meta ngħidu li se nerġgħu inżidu ċ-children’s allowance, in-nies jemmnuna. Meta ngħidu li se nerġgħu inżidu l-pensjonijiet, l-anzjani jemmnuna, u meta ngħidu li se nżidu l-stipendji, li se nagħtukom elf għal għaxar snin biex tixtru l-proprjetà tagħkom u meta ngħidulkom li se nagħtukom elf u ħames mitt ewro biex tkompli tistudjaw, intom iż-żgħażagħ temmnuna għaliex aħna l-partit tal-kredibilità u magħna tafu fejn qegħdin.”
Mart il-Prim Ministru, Lydia Abela
Lydia Abela rrimarkat li l-proposti ta’ dan il-moviment Laburista huma mnebbħin min-nies.
“Wara kull proposta li qiegħdin inressqu hemm wiċċ uman. Wara kull proposta hemm persuna hemm persuni u hemm familji.”
Mart il-Prim Ministru, Lydia Abela
Mart il-Prim Ministru sostniet li wara kull proposta mill-Partit Laburista hemm realtà li wieħed ma jistax idawwar wiċċu għaliha.
“Bħala omm, bħala mara, bħala persuna, nemmen li meta nkunu qed nisimgħu dawn ir-realtajiet, irridu nagħmlu xi ħaġa. Ma rridux naqgħu f’medjokrita jew inwaħħlu f’ħaddieħor. U iva, ġara hekk għax ħaddieħor għamel hekk. Le. Aħna rridu nkunu moviment tal-bidla. Konna, għadna, u se nibqgħu nkunu l-moviment tal-bidla.”
Mart il-Prim Ministru, Lydia Abela
Hi rrimarkat li tinsab konvinta kull żagħżugħ preżenti għal din l-attività għandu l-ħolm tiegħu. Lil dawn iż-żgħażagħ tenniet li l-vot tagħhom huwa garanzija għat-twettiq tal-ħolm tagħhom.