B’reazzjoni għal Baġit 2017, il-President tal-Police Officers Union, l-Ispettur Sandro Camilleri għamel referenza għal fond ta’ tmien miljun ewro bl-għan li jiġu indirizzati l-ilmenti tal-imgħoddi fosthom l-inġustizzji fi ħlas ta’ overtime tal-Pulizija.
Fi kliem l-Ispettur, wara ħafna snin ta’ stennija dan il-baġit se jkun qed jindirizza problema li ilha għaddejja mil-1993. Huwa spjega li l-Pulizija kienu qed jaħdmu sigħat overtime fuq il-46 siegħa iżda ma jitħallsux tiegħu. Il-President tal-POU aċċenna għal fatt li Gvern preċedenti quddiem din il-problema, kien qal li dawn il-flus ma kienux dovuti. Il-POU irringrazzjat lil Gvern li qed jaħdem bla heda biex jiġu solvuti l-inġustizzji u li issa dawn il-Pulizija se jkunu qed jitħallsu dak dovut lilhom.
Miżura tal-Baġit:
Fil-baġit intqal li l-Gvern jinsab konxju li fil-passat inħolqu anomaliji li għal ħafna nies baqgħu jinħassu bħala inġustizzji fil-pensjonijiet: eks ħaddiema tal-korpi tas-snin sebgħin, eks impjegati tal-Malta Electricity Bord, l-overtime tal-Puliżija, eks ħaddiema tax-xatt u oħrajn.
Għaldaqstant, wara li tħallas l-ammont dovut lill-eks impjegati tas-Sea Malta, għas-sena ddieħla l-Gvern alloka tmien miljun ewro f’fond biex isiru l-ewwel ħlasijiet lil dawn il-persuni li kontrihom saru dawn l-inġustizzji. B’hekk tibda tingħalaq din il-ferita li ilha miftuħa snin sħaħ.