Il-President tal-Korea t’Isfel Yoon Suk-yeol sar l-ewwel president fil-kariga fl-istorja tal-pajjiż li kien arrestat wara ġimgħat ta’ reżistenza.
Aġenzija tal-Korea t’Isfel kontra l-korruzjoni qalu li l-President, li kien ġie impeached is-sena l-oħra, kien ġie arrestat u filfatt serje ta’ SUV’s suwed, uħud minnhom bis-sireni, dehru jitilqu mill-kwartieri presidenzjali flimkien ma’ skorta tal-pulizija.
Dan l-arrest seħħ sigħat wara li mijiet ta’ uffiċjali tal-ordni daħlu bil-forza fil-kwartieri presidenzjali fit-tieni attentat li jkun arrestat Yoon Suk-yeol wara li f’Diċembru kien invoka l-liġi marzjali fil-pajjiż li damet fis-seħħ għal ftit sigħat.
Aktar kmieni l-avukati ta’ Yoon kienu qalu li l-President kien lest li jmur minn jheddu fil-kwartieri tal-pulizija biex jiġi interrogat iżda dan ma seħħx u għalhekk kellu jittieħed b’arrest bil-forza. Il-mexxej tal-Korea t’Isfel ilu maqful fir-residenza tiegħu għall-ġimgħat jirreżisti l-arrest u jaħlef li kien se jiġġieled sal-aħħar sabiex ma jitlifx il-pożizzjoni tiegħu hekk kif baqa jiġġustifika d-deċiżjoni li kien ħa dwar il-liġi marzjali.
L-aġenzija kontra l-korruzzjoni flimkien mal-pulizija u l-militar qed jinvestigaw jekk id-dikjarazzjoni ta’ liġi marzjali minn Yoon kinitix attentat ta’ ribelljoni. Yoon Suk-yeol igawdi mill-privileġġ tal-immunità mgħoti lill-Presidenti tal-Korea t’Isfel kontra l-prosekuzzjoni kriminali, iżda din l-immunità ma tgħoddx f’każijiet serji u allegazzjonijiet bħal ribelljoni jew tradiment.