L-aġenzija internazzjonali tar-ratings, S&P Global Ratings, għolliet ir-rating ta’ pajjiżna għal A.
Dan wara li fl-aħħar għoxrin sena, din l-agenzija kienet naqset gradwalment ir-rating ta’ pajjizna. Minn A+ fl-1996 kienet niżlitu ghal BBB+, bl-aħħar tnaqqis isseħħ waqt il-kampanja elettorali tal-2013.
L-esperti ta’ S&P Global Ratings attribwew id-deċiżjoni tagħhom għall-ekonomija b’saħħitha ta’ pajjiżna.
Fil-fatt sostnew li Malta qiegħda f’nofs l-ikbar tkabbir ekonomiku fiż-Żona Ewropa, tant li l-ekonomija tagħna hija 25% akbar milli kienet fl-2009.
S&P Global Ratings faħħru t-titjib qawwi fil-qasam tax-xogħol, kif ukoll iż-żieda fl-investiment, partikolarment il-proġetti fl-enerġija, edukazzjoni u saħħa.
Jingħad li dawn l-investimenti huma kawża tat-tkabbir ekonomiku, liema tkabbir qed iwassal għat-titjib fir-rating ta’ pajjiżna.
Ta’ min jinnota wkoll li dawn l-esperti internazzjonali qed ibassru wkoll li fiz-żmien li ġej ser ikun hawn investiment barrani b’saħħtu.
S&P Global ratings jgħidu li raġuni ewlenija oħra wara l-upgrade għal Malta kien titjib kontinwu fil-pożizzjoni fiskali tal-pajjiż fosthom tnaqqis fid-defiċit u d-dejn.
Barra minn hekk l-esperti ta’ S&P Global Ratings jgħidu li t-titjib fil-qasam tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku qed jagħtu sostennibilita lis-sistema tas-servizzi soċjali ta’ pajjiżna.