Se jibdew immedjatament ix-xogħlijiet fi Triq iż-Żewwieqa f’Għawdex li hija triq twila madwar kilometru.
Dan hekk kif din it-Triq qed tkun ta’ periklu għall-vetturi li jgħaddu minnha.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li fi Triq iż-Żewwieqa ilha ma ssir manutenzjoni fuqha għal għexieren ta’ snin.
Saħaq li x-xogħlijiet fuq din it-triq huma meħtieġa biex ikun hemm immaniġġjar tat-traffiku aħjar għall-Għawdxin li jgħixu f’dawn l-inħawi u sigurtà b’mod inġenerali fit-toroq għal kull min iżur din il-gżira.
Il-Ministru Camilleri stqarr: “Se nkunu qegħdin nagħmlu Triq iż-Żewwieqa li mbagħad se tkun qiegħda tintuża bħala triq alternattiva meta jkomplu x-xogħlijiet fuq Triq Sant’Antnin u dan propju sabiex ix-xogħlijiet isiru b’mod pjanat, bl-inqas inkonvenjent għar-residenti mhux biss Għawdxin iżda għal dawk kollha li jżuruwna però iktar minn hekk irridu naraw ukoll illi l-infrastruttura ġewwa Għawdex tingħata l-importanza li jixirqilha.”
Intant il-Ministru Camilleri qal li sabiex ikun hemm aċċess aħjar għall-Maltin u għat-turisti li se jżuru Għawdex fil-jiem anki tal-Karnival se tkun qed tinfetaħ b’mod temporanju Triq Sant’Antnin li tagħti aċċess mill-Imġarr għal diversi rħula madwar Għawdex.
Wara se jkomplu x-xogħlijiet fuq Triq Sant’Antnin filwaqt li Triq iż-Żewwieqa sservi ta’ triq alternattiva għar-residenti kollha tal-Qala, tan-Nadur u parti minn Għajnsielem.
Ritratti: MGOZ