B’reazzjoni għar-rapport ta’ Fitch il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li għal li ġej jara sitwazzjoni fejn l-ekonomija tkompi tikber, fejn il-ġid ikompli jitkattar u jitqassam aħjar fost kulħadd.
“Il-messaġġ tagħna huwa li fadal ħafna xi jsir. Is-suċċess li ksibna mhuwiex il-punt tal-wasla, imma l-punt tat-tluq għal suċċessi ferm ikbar.”
“Filwaqt li naraw li ħafna nies mexjin ‘il quddiem u iktar żgħażagħ jaħdmu, irridu naħsbu f’persuni li għadhom jgħixu fil-faqar, liema faqar tajnih l-ewwel daqqa f’għaxar snin, iżda li għad irridu nkissruh,” qal il-Prim Ministru.
“Din hija konferma ta’ dak li jħossu l-familji Maltin u Għawdxin u dawk in-negozji fi bwiethom. Li jafu li hawn ix-xogħol, li jafu li hawn il-ġid li jafu li bdejna minn sitwazzjoni ta’ ekonomija li kienet qed tistaġna u qgħad qiegħed jogħla u dawwarna dan kollu biex illum għandna l-aktar ekonomija li qed tikber fl-Ewropa, l-inqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa u l-inqas rata ta’ żgħażagħ qegħda fl-Ewropa,” qal Muscat.
Huwa qal li qed tinħoloq middle-class ġdida fejn naqqasna b’40% dawk il-persuni li qed jgħixu fuq il-benefiċċji soċjali u żdiedu b’14% in-nies li qiegħdin fil-kategorija tal-klassi medja. “Dan kollu ma għamilnix waħedna imma bi sforz kollettiv.
“Dik hija l-viżjoni tagħna. Dak huwa li qed jgħidu l-aġenziji internazzjonali li ma jaraw wiċċ l-ebda politiku iżda jibbażaw ruħhom biss fuq il-fatti. U dan kollu iżda huwa rifless mhux biss f’dak li qed jgħidu l-esperti internazzjonali iżda f’dak kollu li qed iħossu l-familji u n-negozji fi bwiethom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum,” qal Joseph Muscat.