F’attività politika Nazzjonalista fin-Nadur il-Ħadd filgħodu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-politika tal-partit li jmexxi mhijiex ibbażata fuq il-proposti.
Dan anke jekk, kif inhu sew magħruf, Grech fl-aħħar ġimgħat qabbad lil Ivan J. Bartolo tas-6PM biex iħejjijlu dokument ta’ qabel il-baġit, li għadu ma ppubblikahx, anke jekk mhux dik kienet l-intenzjoni tiegħu.
Minflok, dan ġie żvelat mill-gazzetta KullĦadd fejn instab li, bil-proposti inklużi, fih xebgħa żbalji u bbażat fuq fatti skorretti.
Wara li infiska, għax dak li suppost kien dokument intern, spiċċa f’idejn il-midja tal-Partit Laburista, Grech ipprova jġaħġaħha issa li l-proposti ma jagħmlux bih.
Qal, “U hemmhekk taraw kif il-politika tagħna mhix politika tal-proposti.”
Fl-aħħar ġimgħat, il-KullĦadd żvelatlu partijiet minn dan id-dokument, li ħa ħsiebu d-Deputat Nazzjonalista Bartolo, għalkemm fih kien hemm ukoll ħafna idejn ta’ deputati oħrajn.
Dan filwaqt li l-istess gazzetta, il-ġimgħa l-oħra żvelat li tant kemm il-Kap Nazzjonalista kien urtat b’dan, li ġiegħel lill-fergħa taż-żgħażagħ tiegħu, l-MŻPN, biex tħassar attività, li kienet diġà bdiet tiġi organizzata minnha.
L-attività kienet se ssir biex taparsi jinvolvu lin-nies u jaraw x’inhi l-fehma tagħhom dwar x’jixtiequ jaraw fid-dokument ta’ qabel il-baġit tal-Partit Nazzjonalista.
Iżda mill-istamperija ħarġet ordni biex din l-attività titħassar u għaliha s-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino ma ta l-ebda raġuni.
Sorsi, li tkellmu mal-gazzetta KullĦadd, kienu indikaw li mhux eskluż li l-Kap Nazzjonalista jressaq xi ħaġa oħra differenti, minflok il-pre-budget document.
Hu fatt magħruf kif il-Partit Nazzjonalista hu skars fejn jiġu dokumenti simili u, fl-aħħar snin, mhux biss ippreżenta dokumenti deskritti bħala “mess” mill-midja indipendenti, iżda wkoll kisser it-tradizzjoni li jippreżenta l-proposti bil-viżjoni tiegħu bi tħejjija għall-baġit.
Ġimagħtejn qabel il-Gvern jippreżenta l-Baġit għall-2025, issa Grech enfasizza li, għall-Partit Nazzjonalista, il-proposti mhux importanti … ladarba mhux kapaċi jippreżenta viżjoni xierqa, kif inhu fid-dmir tal-Oppożizzjoni.