Wara għadd ta’ diskussjonijiet, mil-lejl se jibdew jinżabru s-siġar fi Triq il-Wied f’Birkirkara.
Għal dan sar rapport dettaljat t’espert li identifika il-perikli eżistenti.
Ix-xogħlijiet ta’ żbir tas-siġar huma pjanati li jiżguraw is-sigurtà tar-residenti, hekk kif kienu qed isofru ħsarat fil-propjetajiet tagħhom, kif ukoll għal dawk li jagħmlu użu mit-triq.
Ix-xogħol se jkun qed isir b’metodu dettaljat hekk kif approvat mill-awtoritajiet regolatorji u wara diskussjonijiet u qbil ma’ diversi partijiet, inkluż il-Moviment Graffitti, Birdlife, il-Kunsilli lokali, r-residenti taż-żona u oħrajn.
B’dan l-intervent, qed ikun pjanat li jsir żbir tas-siġar li jinsabu viċin id-djar sabiex jitneħħew il-perikli u jiġu żgurati mogħdijiet ċari għan-nies li jkunu mexjin fit-triq u l-vetturi.
L-ewwel fażi, se ssir matul il-lejl, se tkun qed tinkludi żbir tal-fergħat u weraq li jinsabu f’distanza ta’ tliet metri minn djar privati. Waqt din il-fażi ta’ xogħol ser ikunu qegħdin jinteħħew ukoll zkuk li għollew il-pavimentar tul it-triq li bħalissa qed ixekkel l-aċċess sigur ta’ min jimxi f’din it-triq.
Ser ikunu qed jinżabru ukoll il-fergħat tas-sigar sa għoli ta’ 6.5 metri ‘l fuq mil-livell tat-triq, sabiex jitnaqqas il-periklu għall-vetturi.
L-interventi se jsiru taħt is-superviżjoni ta’ espert indipendenti responsabbli mil-metodu taż-żbir identifikat.