Sa mill-bidu, pajjiżna kien lest ibiddel x-xenarju Brexit f’opportunitajiet, u l-qasam tal-farmaċewtika mhux eċċezzjoni.
Il-fergħa Maltija tal-kumpanija Aurobindo se tespandi u tilqa’ dipartiment tal-ħarsien tal-mediċini wara li jitpoġġew fuq is-suq, li s’issa kien stabbilit fir-Renju Unit u li bħalu f’ pajjiżna mhawnx.
Id-diriġenti ta’ Aurobindo, saħqu ma’ One News li b’dan id-dipartiment, il-bżonn ta’ spiżjara se jikber ferm. Fil-fatt Jonathan Farrugia, il-Kap tal-Kwalità tal-kumpanija stqarr magħna li l-kumpanija għandha bżonn mat-tmien spiżjara speċjalizzati oħra immedjatament u li sa sentejn oħra dan l-ammont għandu jirdoppja.