Wara bibien magħluqa, dik il-bikja fi skiet u għajta ta’ għajnuna – il-vjolenza domestika tiżdied matul il-festi.
Dan qalitu Bernardette Briffa li taħdem bħala social worker f’xelter ta’ emerġenza għal nisa u tfal. Hija spjegat li f’dawn il-jiem ta’ festi, kellha numru ta’ każijiet li fil-maġġoranza tagħhom l-mara li kienet vittma ta’ vjolenza domestika tkun ħarbet mill-gallarija – bit-tama li ssib l-għajnuna mingħajr ma tirriskja li l-agressur jsir aktar vjolenti.
“Matul dan l-istaġun ta’ festi qed naraw ta’ kuljum nisa u tfal terroriżati li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, bit-tama li jaħarbu s-sieħeb tagħhom li jirritorna d-dar fis-sakra u għalhekk ifittxu x-xelters.”
F’ġurnata waħda biss, spjegat Briffa, kien hemm tliet każi ta’ vjolenza domestika kkawżati mill-alkoħol.
Mal-ġurnal, The Times of Malta, hija stqarret li fil-maġġoranza tal-każijiet, dawn in-nisa u tfal diġa kienu suġġett għall-abbuż iżda fi żmien tal-festi l-vjolenza tiggrava hekk kif l-agressur aktar ikollu tendenza li jixrob u jisker.
“Normalment, dawn il-każijiet jiġru meta r-raġel jirritorna d-dar fis-sakra u l-mara tibża’ ddaħlu d-dar f’dak l-istat. Ir-raġel imbagħad jiddeċiedi li juża l-forza biex jidħol id-dar u jweġġa’ u jkisser dak kollu li jiġi quddiem għajnejh.”
Briffa qalet li matul din il-ġimgħa se jinstemgħu numru ta’ każijiet il-Qorti propju dwar dan.
Il-ħidma tas-social worker mhux faċli, u Briffa esprimiet id-dieqa tagħha meta tara dawn in-nisa u t-tfal ifittxu x-xelter ta’ emerġenza għax ir-raġel ikun mar jieħu gost u jixrob.
Briffa qalet li apparti l-kampanji biex wieħed ma jsuqx meta jkun taħt l-influwenza tal-alkoħol jeħtieġ li jkun hawn aktar għarfien dwar ir-relazzjoni diretta bejn l-alkoħol u l-vjolenza domestika.
Hija qalet li l-agressuri għandhom joqgħodu ‘l bogħod mid-dar u jfittxu l-għajnuna meta jkunu f’dak l-istat.
Din is-sena fil-Parlament ġie preżentat abbozz ta’ liġi għall-konsultazzjoni, li fost oħrajn jgħid li l-persuna li tikkawża l-vjolenza għandha bżonn il-kura hi – u għalhekk għandha titneħħa mid-dar.
L-abbozz ta’ liġi jissuġġerixxi ukoll li tiġi ċċarrata d-definizzjoni legali ta’ vjolenza domestika u li l-agressur jista’ jingħata sa 20 sena ħabs, jiġifieri d-doppju ta’ snin kif tistabillixxi l-liġi preżenti.