L-organizzaturi tal-kompetizzjoni tas-sbuħija ‘Miss Netherlands’, il-ġimgħa l-oħra, ħabbru li wara 35 sena kienu se jwaqqfu din il-produzzjoni u se jkunu qed jimxu għal pjattaforma ġdida li tiffoka fuq is-saħħa mentali u l-emanċipazzjoni. Din l-inizjattiva, intitulata ‘Niet Meer Van Deze Tijd’ li tittraduċi għal ‘M’Għadux Ta’ Dan Iż-Żmien’, se tkun qed timmira lejn stejjer pożittivi li jispiraw nisa sabiex iħaddnu l-awtentiċità f’dinja li hija influwenzata mill-pressjoni tal-midja soċjali u miri ta’ sbuħija li mhumiex realistiċi.
Id-direttur Monica van Ee, saħqet li filwaqt li l-kompetizzjonjiet tas-sbuħija tradizzjonali m’għadhomx jirriflettu ż-żminijiet tal-lum, il-kunċett li wieħed jispira u jemanċipa nisa żgħażagħ għadu l-istess iżda minflok fuq kuruni u lbiesi, din il-pjattaforma se tkun qed tiffoka fuq stejjer umani veri fejn jiġu ċċelebrati kemm is-suċċessi kif ukoll l-isfidi li wieħed ikollu.
Din l-aħbar ħarġet hekk kif l-Olanda kienu ġew ikkritikati bil-kbir mill-industrija dinjija tal-kompetizzjonijiet tas-sbuħija wara li Rikkie Kolle kienet l-ewwel mara transġender inkurunata bħala Miss Netherlands 2023.