Festivals Malta tħabbar li l-leġġenda tal-jazz Chick Corea se jkun l-attrazzjoni ewlenija tal-Festival tal-Jazz f’Lulju li ġej.
Il-kompożitur Amerikan Chick Corea se jkollu 77 sena meta jżur Malta. Corea hu wkoll mużiċist tal-jazz u jazz imħallat u jdoqq il-pjanu u t-tastiera. Fiż-żjara tiegħu se jerġa’ jingħaqad mal-ħbieb antiki tiegħu John Patitucci u Dave Weckl u se jdoqqu bħala ċ-Chick Corea Akoustic Band. Dakinhar wieħed jistenna li jara l-enerġija inkredibbli ta’ Corea fuq il-pjanu waqt li jisma’ l-kitba mużikali brillanti tiegħu kif ukoll il-maestrija ta’ Patitucci fuq il-baxx u ta’ Weckl fuq it-tnabar (drums). Dan se jkun l-ewwel tour tal-grupp akustiku f’20 sena. Corea kien f’Malta 28 sena ilu fl-1990.
Kemm ilu li beda l-karriera tiegħu bħala solist fl-1966, Corea minn dejjem kien fuq quddiem tal-jazz, kemm bħala pjanist rinomat li esperimenta b’affarijiet ġodda flimkien mal-bands akustiċi tal-jazz kif ukoll bħala mużiċist innovattiv u elettriku fuq it-tastiera mal-gruppi Return to Forever, the Elektric Band, u issa Vigil, li hi band elektro-akustika. Corea hu r-raba’ artist l-iktar nominat fl-istorja tal-Grammys bi 63 nominazzjoni.
Dwar din l-aħbar, id-Direttur Artistiku tal-Festival tal-Jazz Sandro Zerafa, qal: “Kburin ħafna u ninsabu onorati li se jkollna leġġenda tal-jazz ħajja magħna fis-sajf li ġej f’Ta’ Liesse. Il-preżenza tiegħu biss żgur li se tagħmel il-Festival tal-Jazz l-iktar avveniment mistenni.”
Chick Corea flimkien ma’ Dave Weckl u John Patitucci se jdoqqu s-Sibt 21 ta’ Lulju. Din is-sena l-Festival tal-Jazz se jsir mit-Tnejn 16 ta’ Lulju sas-Sibt 21 ta’ Lulju. Iktar tagħrif dwar il-festival u l-biljetti se jingħataw f’qasir żmien.