“Once a policeman always a policeman, tħoss in-nuqqas tal-Korp. Tħoss li n-nies għad iridu l-għajnuna tiegħek għax aħna hekk fuq il-post tax-xogħol tagħna ngħinu lin-nies u liċ-ċittadini. Għad għandi ħafna x’noffri” – Wendy Aquilina
Dawn kieku l-kummenti ta’ Wendy Aquilina, waħda minn 39 Pulizija tar-riserva li fl-aħħar jiem ħadu l-ġurament ta’ Pulizija part-time wara li lestew 25 sena servizz wara li ddeċidew li jkomplu jservu bħala uffiċjali għall-protezzjoni taċ-ċittadini.
B’hekk l-entużjażmu tar-rekluti l-ġodda meqjusa bħala demm ġdid se tkun qed tingħaqad mal-esperjenza tal-veterani biex b’hekk ikunu jistgħu jitgħallmu minn xulxin.
“It-teknoloġija ta’ dak iż-żmien kienet ftit antikwata għalkemm effettiva. It-training ta’ dak iż-żmien kien bażiku ħafna fejn dak li qed jiġi offrut illum li qed tindirizza lil Korpi kollha” – Pierre Grech.
Filfatt, il-kumment ta’ Pierre Grech, li bħal Wendy se jkun qed jaħdem fuq bażi part-time, juri kemm l-esperjenza li għandhom il-veterani li se jkunu jistgħu jgħaddu lin-novizzi se tkun qed titħallat ukoll mal-inovazzjoni li rekluti ġodda huma aktar familjari magħha.
Il-Ministru Abela jemmen li grazzi għal din il-proċedura utilizzata, il-Korp qed jibbenefika minn total ta’ 133 kuntistabbli tar-riserva li ddeċidew li jkomplu jkunu ta’ servizz u rrispondew għall-applikazzjonijiet.
“Għarafna li l-imħabba lejn l-uniformi u lejn is-servizz hi vokazzjoni li mhix waħda li faċli twarrbuha. Użaw dan iċ-ċans li ġie mogħti lilkom biex tkunu spalla ta’ gwida għal pariri siewja lill-kollegi iżgħar”, stqarr il-Ministru Abela fiċ-ċerimonja tal-ġurament.
Id-39 pulizija tar-riserva se jaħdmu minn 23 siegħa fil-ġimgħa sa massimu ta’ 35 siegħa fil-ġimgħa.