4 ta’ April 2001.
Ġurnata fejn fiha żagħżugħ għatxan sabiex iservi fil-Korp tal-Pulizija, ingħata t-titlu ta’ Kuntistabbli.
Għal tmintax-il sena u nofs dan iż-żagħżugħ ħadem b’dedikazzjoni kbira u serva f’diversi taqsimiet fi ħdan il-Korp.
Qed nitkellmu dwar l-Ispettur Herman Mula li ftit tal-jien ilu ddeċieda li jtemm il-karriera tant ta’ suċċess li kellu.
F’intervista ma’ One News Herman spjega wħud mill-ġranet li żgur ma kien ser jinsa qatt.
Fosthom semma il-famuż hold up fl-HSBC ta’ Ħal Qormi fl-2010.
Hold-up fejn fih insterqu mal-miljun ewro u fejn fih huwa kien is-Surġent li bagħat liż-żewġ pulizija fuq il-post fejn hemmek il-ħallelin fetħu n-nar fuqhom huma u ħerġin mill-bank.
Qal kif “Jiena sfortunatament baqgħet ittini daqsxejn ta’ nostalgija kerha l-fatt li kont jiena stess peress li kont incharge li bgħatthom għal li jista’ jkun fuq il-post biex jiċċekkjaw għax jien kont kont il-bogħod u ma stajtx nasal fil-ħin biex intihom l-assistenza. Niftakar kont fuq l-area ta’ Tas-Sliema dakinhar. Il-kollegi l-oħrajn, il-units l-oħrajn kollha kienu mferxin ma’ Malta u ħadd minnha ma rnexxielu jasa fil-ħin biex ngħinuhom f’dik iċ-ċirkostanza.”
Semma wkoll il-każ fejn fih ġew interċettati 140 kg kokaina fil-Freeport ta’ Malta.
Dakinhar id-droga kienet moħbija f’żewġ magni li jagħsru ż-żebbuġ għaż-żejt. Sa dak iż-żmien dik kienet l-ikbar qabda ta’ droga li qatt wettqet il-Puliżija ta’ Malta.
Qal li “Seizure ta’ xi madwar 140kg kokaina moħbiha ġewwa żewġ magni taż-Żebbuġ. Niftakarha ċara. Niftakar lis-Superju tiegħi s-Sur Norbert Ciappara dak iż-żmien jgħidli bl-investigazzjoni li kienet għaddejha mad-DEA amerikani.”
Minkejja li issa l-Ex-Spettur Mula ser ikun qed jimxi għal professjoni legali bħala avukat saħaq li xorta mhux ser jaqta’ mill-ħidma mal-Korp.
Semma kif fost oħrajn ser jibqa’ jmexxi il-Fondazzjoni Simon Schembri Blue Light.
Qal “Fejn tidħol il-Korp tal-Pulizija bi pjaċir ovjament għandi l-lat ta’ volontarjat fejn waqqaft flimkien ma’ sħabi u mal-ħabib tiegħi Simon Schemrbi, il-Pulizija tat-traffiku li kellu l-każ serju sena ilu, il-Fondazzjoni Simon Schembri Blue light Foundation. Dik hija għażiża għal qalbi.”
Meta mistoqsi dwar id-deċiżjoni li ħa huwa qal li ma kienet waħda faċli xejn madankollu sostna li dak li tgħallem fil-Korp ser jibqa’ miegħu tul ħajtu kollha, u ta’ dak jibqa’ dejjem grat.