Diżappunt mill-Kunsill tal-Qala, hekk kif wara saga ta’ sbatax-il sena, applikazzjoni għal żvilupp – li ġiet miċħuda – baqgħet imdendla wara l-istadju t’appell.
Fil-fatt it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar spjega kif deċiżjoni finali fuq dan il-każ ma tistax tittieħed, hekk kif fl-aħħar deċiżjoni ma kinux segwiti l-proċeduri stabbiliti.
Dan hekk kif l-aħħar deċiżjoni kienet ittieħdet mingħajr ma ġew ikkunsidrati pjanti ġodda li kienu sottomessi riċentement. U d-deċiżjoni ma ttiħditx mill-bord sħiħ.
Il-progett oriġinali kien jinkludi lukanda, appartamenti u jott marina.
F’dan il-każ, intqal li għandu jerġa’ jsir il-Case Officer Report.
Is-Sindku tal-Qala, Paul Buttigieg, li ilu attiv f’dan il-każ sa mill-bidu nett, wera d-diżappunt tiegħu.
Ma’ nistgħux naċċettawha. Għalhekk diġà hadna d-decizjoni li ha mmorru l-Qorti biex nappellawha. Il-poplu Malti u Ghawdxi ghandu bzonn lil Hondoq ir-Rummien bhalma ghandi bzonnu jien, il-familja tieghi, u l-poplu tal-Qala.