Il-Knisja ta’ San Bartilmew fil-kumpless Rużar Briffa tar-Residenza San Vinċenz de Paul ġiet ikkonsagrata mill-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna, 112-il sena wara li tbierket. Dan ifisser li dan il-post issa se jkun kollu kemm hu għall-qima u ma jistgħux isiru fih attivitajiet oħra jekk mhux il-quddiesa u talb.
Il-konsagrazzjoni saret permezz ta’ quddiesa speċjali li matulha twaħħlu l-slaleb tal-konsagrazzjoni fl-irħam. Għaliha attenda, fost l-oħrajn, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Il-preparamenti għall-konsagrazzjoni bdew wara diskussjonijiet tal-maniġment tal-faċilità u rappreżentanti tal-Arċisqof. Ġie deċiż li jsir artal għax ma kienx hemm wieħed fiss, u dan inħadem fl-irħam minn wieħed mill-ħaddiema ta’ San Vinċenz de Paul, Michael Bonnici. Inħadmu wkoll is-slaleb għal mal-pilastri tal-knisja.
Dan il-kumpless residenzjali kien inħaseb għall-kura tal-morda bil-lebbra. In-naħa tal-irġiel infetħet fl-1890 u n-naħa tan-nisa fl-1912. Il-parti ċentrali hija fejn tinsab il-knsija, li t-titular tagħha huwa l-Madonna Għajnuna tal-Insara. Il-knisja tbierket fl-1911 iżda baqgħet qatt ma ġiet ikkonsragrata.
Il-lebbrużi, li numru sew minnhom kienu ġejjin minn Ħal Għargħur, ġabu magħhom id-devozzjoni lejn dan il-qaddis għax il-parroċċa ta’ raħalhom hija ddedikata proprju lil San Bartilmew. Minħabba li dan il-qaddis kien ħa l-martirju billi tqaxxritlu l-ġilda, il-lebbrużi kienu jħossuhom qrib ta’ dan il-qaddis u kellhom devozzjoni partikolari lejh.