Wara mija u disat ijiem, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fl-aħħar ħatar ix-shadow cabinet tiegħu.
Fix-shadow cabinet ġie kkonfermat li l-eks Kap Adrian Delia ma riedx li jkun kelliem għal xi qasam partikolari u b’hekk ma ngħatax portafoll u allura mhuwiex fix-shadow cabinet ta’ Bernard Grech.
Wara li qamet rivolta mill-kumitati sezzjonali tat-tieni distrett, Bernard Grech kellu jċedi għall-pressjoni u lil Stephen Spiteri żammlu l-portafoll tas-saħħa.
Dan wara rapporti inizjali li kien se jneħħih mis-saħħa.
L-istess kellu jiġri b’Robert Arrigo, li fil-bidu bagħat għalih u neħħielu t-turiżmu iżda eventwalment Bernard Grech kellu jċedi u jżommlu l-portafoll tat-turiżmu biex b’hekk ma jidhirx ikrah u iebes ma’ deputat tal-fazzjoni Delia u Viċi Kap.
Fil-laqgħat mad-deputati biex jgħarrafhom bil-portafolli, Bernard Grech kellu lil Ray Bezzina, eks Chief of Staff ta’ George Pullicino u llum esponent tal-għaqda Repubblika.
Bezzina, kien fil-laqgħat anki fuq insistenza ta’ Louis Galea.
Jirriżulta li l-għaqda Repubblika kellha t-timbru tagħha fl-għażliet tax-shadow cabinet ta’ Bernard Grech.
Fil-fatt ħu l-President tal-għaqda Repubblika, Karol Aquilina tpoġġa kelliem għall-ġustizzja flok Jason Azzopardi, li ġie mfiehem lilu li ma jistax jibqa’ kelliem għal dan il-qasam peress li huwa avukat f’każijiet prominenti fil-pajjiż.
Imkejjen fid-Dar Ċentrali qalulna li lil Jason Azzopardi qalulu li għandu kunflitt ta’ interess iżda Bernard Grech ma ra l-ebda kunflitt ta’ interess li ħu l-President tal-għaqda Repubblika jkun kelliem għall-ġustizzja.
L-istess imkejjen qalulna li min-naħa l-oħra lil Jason Azzopardi ngħatalu settur li xorta jista’ jibqa’ jagħmel il-ħsara fuqu barra minn Malta u jgħid kontra l-pajjiż.
Jason Azzopardi se jkun kelliem għax-xogħol, il-kompetittività u l-intrapriża.
Settur li l-Partit Nazzjonalista ma tantx jinżlulu għasel ir-riżultati sbieħ li jikseb pajjiżna, speċjalment meta jiġu attirati l-investimenti, li jfissru l-ħolqien ta’ impjiegi.
B’hekk Jason Azzopardi bħala wkoll avukat tal-għaqda Repubblika mistenni jkompli bil-kruċjati f’settur tant vitali għall-pajjiżna.
Joseph Ellis, avukat ieħor tar-Repubblika ngħata s-settur tar-riformi kostituzzjonali biex b’hekk Repubblika żammet in-nies tagħha f’oqsma li tant titkellem dwarhom.
Anki Therese Comodini Cachia kellu jikkuntentaha u finalment Bernard Grech laħħaqha kelliema għall-governanza t-tajba.
Beppe Fenech Adami żamm l-intern filwaqt li kif mistenni Chris Said baqa’ kelliem għall-Għawdex.
David Thake tneħħielu s-settur tal-ambjent u minflok dan ingħata lil Robert Cutajar.
Kristy Debono, li kienet fost dawk li daret kontra Delia ħadet l-ekonomija.
Mill-bqija, Bernard Grech ma biddel xejn u ħalla dak li kellu Adrian Delia.
Fil-fatt kienu madwar ħames deputati biss li kellhom l-irwol tagħhom mibdul.