Iċ-ċiklu tal-ġenerazzjonijiet jifforma parti sħiħa mit-tnissil tal-istorja ta’ pajjiż, belt, raħal u nazzjon. Matulu jsir taqlib soċjali u ekonomiku li jkompli jħawwar il-ġrajjiet tagħna kemm bħala individwi kif ukoll bħala ġens.
F’din il-ġabra ta’ kitbiet bl-isem ta’ “Waqtiet Kalkariżi – għad-dell tal-Kottonera” (BDL), Charles Flores jaqbad epoka li fiha l-ġenerazzjoni ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija ħalliet il-marka tagħha f’oqsma varji bħall-isport, il-kultura, il-Letteratura, s-soċjetà, id-divertiment, il-politika u r-reliġjon fost oħrajn.
Il-Kalkara hija s-subborg ħlejju tal-Kottonera fejn tkebbsu t-tifkiriet nostalġiċi tal-awtur. Fl-istil ħafif u mexxej tiegħu, Charles Flores iwasslilna stampi minn tfulitu u parti minn żgħożitu biex hekk joffri ħolqa oħra fil-ħannieqa ta’ ġrajjiet u waqtiet interessanti li jsawru l-istorja. Jeħodna fl-għelieqi tal-futbol, f’postijiet fejn kienu jehdew it-tfal u ż-żgħażagħ qabel il-miġja tal-kompjuter u l-Internet, u jsemmi d-drawwiet, iċ-ċelebrazzjonijiet u l-mod ta’ għajxien li jiddistingwu ġenerazzjoni minn oħra. Jispikkaw l-aneddoti dwar Roger Moore u l-kanun il-kbir u x’ġara meta daħal jiżfen denfil fil-bajja tar-Rinella.
Minbarra l-qari leġġer tagħhom, dawn l-akkwarelli ħelwin jagħtu lok ukoll għal eżerċizzju komparattiv għal min – student, għalliem, riċerkatur, storiku eċċ – ikun irid jidħol ferm aktar fil-fond tal-istorja tal-Kottonera, l-Kalkara u l-madwar….riflessa wkoll fil-bixra nazzjonali tal-istorja ta’ Malta u Għawdex kif rajniha, u għadna narawha, titkattar mal-milja tas-snin.
Tista’ tordna l-ktieb fuq:https://www.bdlbooks.com/history/6711-waqtiet-kalkarizi.html