Waqt żjara tal-Prim Ministru Robert Abela fl-uffiċini tal-Grupp Alberta fl-Imrieħel, it-tmexxija tal-kumpanija rrimarkat li tinsab kburija li f’dan iż-żmien ta’ sfida, l-ebda ħaddiem ma’ tilef xogħlu.
Il-Grupp Alberta joffri konsultazzjoni u taħriġ speċjalizzat fit-tifi tan-nar u emerġenza fost oħrajn u l-kumpanija tħaddem ’il fuq minn 300 ħaddiem.
Iċ-Chairman tal-Grupp Alberta, George Barbaro Sant apprezza l-għajnuna li ta l-Gvern tul il-pandemija.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-ħaddiema u lit-tmexxija kollha tal-Grupp Alberta tar-reżiljenza li wrew tul din is-sena ta’ sfida u tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jkun ta’ spalla għall-familji u n-negozji kollha f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jkompli jgħin fost oħrajn bil-miżuri li tħabbru għall-budget imressaq għas-sena d-dieħla.
Id-Diretturi tal-Grupp Alberta attribwew is-suċċess u r-riżultati miksuba mill-Grupp għall-istrateġija kummerċjali u ekonomika, kif ukoll għal viżjoni ċara li kkontribwixxiet għall-ġid ekonomiku ta’ pajjiżna.
Iċ-Chairman tal-Grupp George Barbaro Sant temm jgħid li l-pjanijiet kurrenti huma importanti sabiex il-kumpanija tibqa’ sostenibbli filwaqt li b’ippjanar ħolistiku, bi strateġija konkreta u b’investiment fir-riżors uman, l-andament tal-kumpanija jista’ jibqa’ b’saħħtu, responsabbli u reżiljenti.