Il-President ta’ Malta George Vella nnota li bejn Malta u l-Kroazja hemm il-potenzjal fl-oqsma tan-Negozju u l-Kummerċ, fl-Inġinerija, fit-Taħriġ, fl-Edukazzjoni, fl-Affarijiet Marittimi u fit-Turiżmu fost oħrajn.
Dan sostnieh waqt żjara statali li qed jagħmel fil-Kroazja u waqt taħdidiet li kellu mal-President Kroat, Zoran Milanović.
Fl-indirizz tiegħu waqt konferenza stampa konġunta fi tmiem laqgħa kordjali ħafna, Dr George Vella qal li matul is-snin, anke permezz tas-sħubija tagħhom fl-Unjoni Ewropea, Malta u l-Kroazja stabbilixxew relazzjoni b’saħħitha ħafna li wasslet għal progress għaż-żewġ pajjiżi fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u kulturali.
Kemm il-President Malti u dak Kroat iddiskutew l-immigrazzjoni u tennew l-impenn konġunt taż-żewġ pajjiżi Mediterranji biex jiżguraw li l-isfidi attwali, bħall-immigrazzjoni kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà mas-sħab tal-pajjiżi fin-Nofsinhar, jingħataw prominenza fl-aġenda Ewropea.
Permezz tal-President Vella, Malta saħqet ukoll fuq l-importanza li qed tagħti lill-perspettiva Ewropea dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li qegħdin jimmiraw biex jissieħbu fl-Unjoni Ewropea.
Hawnhekk il-President ta’ Malta qal li s-sħubija ta’ pajjiżi oħra mill-Balkani fl-Unjoni Ewropea toffri benefiċċji reċiproki.
Min-naħa tiegħu, il-President Kroat, li kien mistieden minn dak Malti biex jagħmel żjara statali f’Malta fil-futur qrib, tenna d-determinazzjoni tal-Kroazja li tkompli tiżviluppa l-koperazzjoni ma’ Malta, u qal li Malta hija pajjiż Mediterranju uniku li ppreżenta diversi opportunitajiet.
Saħaq li hemm diversi oqsma li fihom il-Kroazja tista’ tħares lejn l-aħjar prattiċi ta’ Malta, u bħala eżempji identifika t-tkabbir ekonomiku, id-dħul fiż-Żona Ewro u t-turiżmu.
F’Zagreb, il-President ta’ Malta u dak Kroat imbagħad poġġew kuruna tal-fjuri fuq il-mafkar ‘Voice of the Croatian Victims – Wall of Pain’, fiċ-ċimiterju ta’ Mirogoj.
Jakkumpanjaw lill-President ta’ Malta u s-Sinjura Miriam Vella hemm il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici u l-Ambaxxatur Malti għall-Kroazja, John Spiteri.