Bis-sireni tal-air raids idoqqu fl-isfond, dalgħodu l-President Amerikan Joe Biden għamel żjara sorpriża ta’ ħames sigħat fil-kapitali Ukrena, Kiev.
Din hija l-ewwel darba li Joe Biden żar l-Ukrajna minn mindu, kważi sena ilu, ir-Russi invadew lil dan il-pajjiż fil-Lvant tal-Ewropa.
Din iż-żjara, li nżammet sigrieta għal kollox sal-aħħar mument, ġibdet l-attenzjoni tal-midja internazzjonali u qed titqies bħala waħda storika. Biden ivvjaġġa għaxar sigħat fuq tren mill-fruntiera tal-Polonja mal-Ukrajna sa Kiev.
Wara li ħarġet l-aħbar li l-President Amerikan kien jinsab fl-Ukrajna, il-President Ukren Volodymr Zelensky ippubblika ritratt ma’ Joe Biden.
Zelensky laqa’ lil Biden fl-Ukrajna b’sodisfazzjon. Huwa qal li din iż-żjara hija importanti ferm u sinjal ta’ solidarjetà mal-poplu Ukren.
Immedjatament ħarġet l-aħbar li l-Istati Uniti se jkunu qed jagħtu pakkett finanzjarju ta’ ħames mitt miljun dollaru li bihom se jinxtraw aktar armamenti. Dan qed jitqies bħala mument kruċjali għall-Ukrajna, li se tkun tista’ tkompli ssaħħaħ il-qawwiet militari tagħha.
F’konferenza tal-aħbarijiet, bil-bnadar tal-Ukrajna u tal-Istati Uniti warajhom, Zelensky kkummenta li d-dinja demokratika trid tirbaħ din il-gwerra storika. Huwa esprima ottimiżmu li n-negozjati bejn iż-żewġ pajjiżi żgur li se jħallu l-frott.
Żied jgħid li, permezz ta’ dawn il-fondi, l-Ukrajna tinsab pass ’il quddiem biex tirbaħ il-gwerra u tkompli tipproteġi liċ-ċittadini Ukreni.
Fid-diskors tiegħu, Joe Biden innota l-kuraġġ tal-poplu Ukren f’din il-gwerra u qal li pajjiżu se jibqa’ ta’ spalla mal-Ukrajna.
Iż-żewġ Presidenti żaru wkoll monument iddedikat għas-suldati li tilfu ħajjithom f’din il-gwerra. Biden iltaqa’ wkoll ma’ mart Zelensky, Olena Zelenska.
Malli temm iż-żjara tiegħu f’Kiev, il-President Biden mar il-Polonja, fejn se jitfakkar l-ewwel anniversarju tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna.
Intant, fl-istess ħin il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea, inkluża Malta, qed jiltaqgħu fi Brussell sabiex jiddiskutu aktar sanzzjonijiet kontra r-Russja; sanzjonijiet li mistennija jitħabbar fil-jiem li ġejjin.
Il-midja internazzjonali rrappurtat ukoll li uffiċjal diplomatiku għoli miċ-Ċina se jkollu laqgħat ta’ livell għoli f’Moska. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken wissa li ċ-Ċina qed tikkunsidra li tgħin lir-Russja f’din il-gwerra.