Fil-jum li r-Russja bdiet l-invażjoni fl-Ukrajna, Malta għamlet analiżi tas-sitwazzjoni dwar l-impatt ta’ dan, fejn ħareġ kif Malta mhux se jkollha impatt sinifikanti.
Sostna dan il-Prim Ministru Malti Robert Abela waqt li kien qed jattendi għal Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.
“Ma jidhirx li l-impatt dirett ser ikun wieħed sinifikanti. Fil-fatt hemm bejn sittin u sebgħin bastiment li jġorru l-bandiera Maltija magħqbudin f’teritorju Ukren, fil-portijiet tal-Urkajna, hemm żewġ ajruplani ukoll li huma reġistrati f’Malta li qegħdin maqbudin hemmhekk ukoll. Imbagħad segwejna ukoll numru ta’ investituri Maltin fir-Russja illi dawk iva jistgħu jiġu impattati jekk kellu jkun hemm friża tas-sistema bankarja però qegħdin nsegwu sew is-sitwazzjoni biex inkunu nistgħu ukoll nagħtu assistenza lil dawk l-investituri jekk ikun il-bżonn. Kif fl-istess waqt qegħdin nsegwu sew il-kwistjoni tal-prezz tal-materja prima li tintuża fil-produzzjoni tal-enerġija, jiġifieri primarjament iż-żejt u l-gass naturali.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela qal kif il-Gvern qed jagħti garanzija lill-poplu Malti u Għawdxi li l-prezzijiet tal-enerġija u l-gass se jibqgħu stabbli, tkun xi tkun is-sitwazzjoni.
Il-Prim Ministru Malti sostna kif il-pożizzjoni ta’ Malta dwar din l-invażjoni mhijiex tikser in-newtralità ta’ pajjiżna.
“Il-fatt li tkellimna favur il-poplu Ukren, tkellimna favur il-paċi u favur il-ħajja. Dak ma jfissirx li b’xi mod tkellimna b’mod li kkozzjna l-prinċipji tan-newtralità u fil-fatt jekk wieħed iħares lejn l-artikolu tal-Kostituzzjoni tagħna li jitkellem dwar in-newtralità u non linearjament, bl-ebda mod bis-sanzjonijiet illi mistennija jiġu approvati fuq livell Ewropew, b’ebda mod dan ma jikser il-prinċipju tan-newtralità.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela saħaq kif ma jfissirx li kull min hu Russu huwa ħażin.
Qal kif huwa jinsab ċert li hemm ħafna Russi li ma jaqblux mal-pożizzjoni tal-Gvern Russu.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-pożizzjoni ta’ Malta favur il-paċi.
“Se nibqgħu nwasslu messaġġ b’saħħtu favur il-paċi u favur illi jekk ikun possibbli, nemmen li l-partijiet għandhom ipoġġu madwar mejda u jibqa’ jkun hemm it-tiftix għal soluzzjonijiet li jwasslu għal paċi u għal waqfien ta’ dan il-kunflitt ikrah.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fil-konkluzzjonijiet ta’ dan is-summit, is-sebgħa u għoxrin mexxej Ewropej qablu li r-Russja għandha twaqqaf l-azzjonijiet militari tagħha sabiex ma jinqatlux aktar nies innoċenti.
Waqt dan il-Kunsill Ewropew, il-mexxejja Ewropej tkellmu permezz ta’ videoconference mal-President Ukren, Volodymyr Zelensky.