Ir-rata tan-nisa fis-settur tax-xogħol żdiedet waqt pandemija.
Dan joħroġ minn rapport tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza li nnutat li bejn Lulju u Settembru li għadda, ir-rata tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur tax-xogħol żdiedet bi kważi tliet punti perċentwali meta mqabbla mal-istess perjodu ta’ sena qabel, meta ma kienx hawn pandemija.
Fil-fatt fit-tielet kwart tas-sena l-oħra, ir-rata tan-nisa fis-settur tax-xogħol kienet ta’ 65.5% meta fit-tielet kwart tal-2019, ir-rata kienet ta’ 62.8%.
Ir-rapport tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza jsemmi li din iż-żieda kienet riżultat fost oħrajn ta’ miżuri tal-Gvern fosthom is-servizz taċ-childcare b’xejn, il-Klabb 3-16 fl-iskejjel u l-qtugħ gradwali tal-benefiċċji meta persuna tidħol fid-dinja tax-xogħol.
Ir-rapport jgħid ukoll li l-budget li ppreżenta l-Gvern għal din is-sena jkompli jinċentiva lil mara biex taħdem fosthom billi żdiedu t-thresholds biex aktar familji jkunu eliġibbli mill-qtugħ gradwali tal-benefiċċji meta l-mara toħroġ taħdem.
Issemma ukoll kif pajjiżna huwa wieħed minn tliet pajjiżi li qed jirreġistra l-aktar progress fl-Ewropa meta jitkejlu l-indiċi ffissati mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.
Hawnhekk ingħad li mill-2010 lil hawn, Malta għamlet passi ta’ ġgant.
Meta nsemmu wkoll id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, pajjiżna għadu jrid jaqdef iżda id-differenza hi taħt il-medja Ewropea.
Intqal ukoll kif ir-rata ta’ parteċipazzjoni ta’ nisa iżjed imdaħħla fl-età fis-settur tax-xogħol, jiġifieri dawk li jgħoddu bejn il-ħamsa u ħamsin u l-erbgħa u sittin sena għadha ftit baxxa iżda qed tiżdied.
Mir-rapport jidher li n-nisa jaħdmu l-iżjed f’xogħol ta’ professjoni u fis-settur tal-bejgħ u li jagħti servizz.
Intant ir-rapport jinnota wkoll kif għall-ħames sena konsekuttiva, pajjiżna baqa’ fl-ewwel post fejn jidħlu drittijiet għall-persuni LGBTIQ.
Saħansitra bl-aħħar indiċi maħruġa minn ILGA-Europe, Malta żiedet il-punteġġ.
Ir-rapport innota ukoll il-mekkaniżmu elettorali li wiegħed il-Gvern li jdaħħal mil-leġiżlatura li jmiss biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-iktar sess l-inqas rappreżentant fil-Parlament.
F’dan il-każ huma n-nisa.
Intant dan ir-rapport ġie ppreżenta waqt laqgħa virtwali tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza fejn il-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis qal li l-Gvern ħa jibqa’ impenjat biex jeradika l-inugwaljanzi fil-pajjiżi filwaqt li l-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza Renee Laiviera saħqet li s-soċjetà jeħtieġ ikollha iżjed għarfien fuq il-bżonn li l-ġeneri differenti jħossuhom indaqs f’pajjiżna.