Fi stqarrija maħruġa Ministeru għall-Ġustizzja qal li minkejja li l-pajjiż, bħall-kumplament tad-dinja, kien għaddej minn pandemija, il-Qorti ta’ Għawdex xorta waħda baqgħet għaddejja bil-ħidma billi baqgħu jsiru s-seduti regolarment. Dan intqal b’referenza għall-istqarrija li l-Oppożizzjoni ħarġet aktar dwar il-bini tal-Qorti f’Għawdex.
“Tant hu hekk li fil-kamp kriminali, fis-seduti tad-distrett, ġew deċiżi mill-bidu tal-pandemija sal-aħħar tas-sena kurrenti 570 kawża tad-distrett. Fl-istess perjodu ġew deċiżi 49 kumpilazzjoni”, kompla jgħid il-Ministeru għall-Ġustizzja.
Intqal ukoll li fil-kamp ċivili fl-istess perjodu nstemgħu 128 kawża ċivili u ngħataw 72 sentenza. L-ammonti jipparagunaw ferm tajjeb ma’ dawk tas-sena 2019.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja stqarr li huwa tassew għajb li qed jintuża digriet tal-Qorti li ngħata riċentament għal skopijiet ta’ politika partiġġjana. Il-bini tal-Qorti ta’ Għawdex huwa dejjem taħt is-sorveljanza ta’ membri tas-sigurtà u tal-pulizija eżekuttiva.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja sostna li l-Gvern huwa konxju tal-isfidi ta’ din il-Qorti, tant li ftit jiem ilu ltaqa’ mal-uffiċjali għolja kollha tal-amministrazzjoni tal-qrati, inklużi dawk ta’ Għawdex.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja temm jgħid li anke fi żmien il-pandemija sar investiment bla preċedent fil-qasam tal-ġustizzja. L-istess ser jibqa’ jiġri anke fil-gżira ta’ Għawdex.