Matul is-sena tal-pandemija, il-kumpanija tal-farmaċewtika Baxter Malta ħa tkun qed tkabbar l-operat tagħha bi tletin fil-mija.
Dan wara li mhux biss irnexxielha tlesti investiment ta’ espansjoni ta’ għoxrin fil-mija tal-produzzjoni tagħha, imma permezz ta’ investiment mill-Malta Enterprise, l-operat tal-kumpanija se jkompli jikber b’għaxra fil-mija, li jfisser żieda ta’ madwar ħamsin impjieg ieħor.
Il-Kumpanija Baxter, li ilha taħdem f’pajjiżna għal dawn l-aħħar tletin sena, tħaddem ma’ sitt mitt ħaddiem kemm fil-manifattura kif ukoll fir-riċerka u l-iżvilupp.
Id-Direttur maniġerjali ta’ Baxter, Brian Tabone spjega li l-għajnuna mill-Gvern kienet importanti ħafna sabiex l-effiċjenza tal-operat ta’ din il-kumpanija ikompli jitjieb.
Hu qal, “L-għajnuna hija dejjem importanti. Kemm biex aħna inkunu aġġli f’dak li nkunu qed nippreparaw, kif ukoll biex intejbu l-effiċjenza tal-operazzjoni. Fl-istess ħin biex insibu u ntejbu l-ħaddiema.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia tenna l-impenn u l-ħidma sabiex dan is-settur ikompli miexi ’l quddiem.
Huwa tenna: “Huwa kruċjali li l-kumpaniji tal-manifattura jsibu l-għajnuna tal-Gvern, isibu l-assistenza tal-Malta Enterprise, sabiex jespandu u jżidu l-impjiegi u l-assistenza li ngħatu kemm fi training grants, imma wkoll għall-espansjoni fil-makkinarju.”
Il-Ministru għall-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostennibbli Miriam Dalli, semmiet l-importanza ta’ investimenti simili fil-qasam farmaċewtiku, hekk kif jikkontribwixxi bis-sħiħ fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
Dr Dalli spjegat li dan l-investiment huwa riżultat tal-politika ta’ dan il-Gvern għaliex apparti li irrid isostni l-industrija ta’ għada, irid jaċċerta ruħhu li jagħti l-appoġġ kollu meħtieġ lill-intrapriżi eżistenti.
Il-Ministru Dalli stqarret: “Qed naraw kumpanija li espandiet l-operazzjonijiet tagħha b’għoxrin fil-mija, iżda ma waqfitx hemm. Qed tara li tkompli tespandi l-operazzjonijiet tagħha b’għaxra fil-mija oħra, li jfisser ħamsin impjieg ġdid.”