Matul is-sena tal-pandemija, id-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, irreġistra żieda qawwija ta’ ajruplani li jtajru l-bandiera Maltija, biex issa dawn jgħoddu għal kważi sitt mija.
Mill-ajruplani kollha rreġistrati s-sena l-oħra, kważi wieħed kull jumejn, rekord ta’ mija u sebgħa u erbgħin ajruplan huma proprjetà ta’ linji tal-ajru.
Sa sitt snin ilu kien hemm madwar mitejn ajruplan fuq ir-reġistru Malti; li jfisser li sa tmiem is-sena li għaddiet kien hemm żieda sinifikanti ta’ mija u ħamsin fil-mija.
Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat, il-Kaptan Charles Pace, spjega li raġuni ewlenija wara dan is-suċċess hija l-inizjattiva tal-leasing li kienet tħabbret f’nofs is-sajf li għadda, meta twaqqfet Aviation Leasing Malta.
Qal, “Dak ressaq ħafna owners tal-ajruplani ta’ kumpaniji kbar li għnadhom ħafna ajruplani tagħhom, iħarsu lejn Malta bħala post fejn jistgħu jirreġistraw l-ajruplani anki meta ajruplan ikun telaq minn kumpanija u sejjer kumpanija oħra. Ajruplan ma jistax jibqa’ fil-limbu, irid ikun irreġistrat x’imkien allura jekk ikun hemm kumpaniji li jkunu neħħew xi ajruplani minħabba l-pandemija, dawn jiġu trasferiti ħafna drabi lejn l-Ewropa jew postijiet oħra fejn iħossuhom siguri.”
Il-Kaptan saħaq li bosta fatturi jattiraw lil linji tal-ajru jew setturi oħra fl-industrija lejn pajjiżna, u fuq kollox huma l-kumpaniji barranin li jagħżlu lil Malta.
Qal, “Huma jagħżlu lil Malta. Jagħżlu lil Malta għax ikunu għamlu l-istħarriġ tagħhom, ikunu għamlu l-comparisons ma’ postijiet oħra, fil-fatt dan l-aħħar is-CEO tal-Malta Air ġie kkwotat jgħid li l-grupp tar-RyanAir għamlu studju kbir u intensiv u fl-aħħar iddeċidew li l-aħjar post li jpoġġu l-ajruplani u l-kumpanija tagħhom kienet Malta. Fil-fatt magħna kibru minn ajruplan wieħed għal bħalissa għandhom mija u sitta u għoxrin ajruplan taħt il-kumpanija Malta Air u madwar sitta u għoxrin oħra taħt il-Lauda Air u għandna ordnijiet ta’ madwar tletin, erbgħin ajruplan ieħor għal dan il-grupp.”
Meta spjega l-proċess rigoruż ta’ reġistrazzjoni mħaddan mill-Awtorità Maltija, il-Kaptan qal li dan jista’ jieħu sa sitt xhur biex jitlesta, u ma jagħti l-ebda garanzija li ċ-ċertifikat Malti jingħata.
L-evalwazzjoni hija maqsuma f’sitt stadji u tinkludi spezzjonijiet fil-kwartieri tal-kumpanija u anki fuq l-ajruplani.
Dan kollu jagħmel il-ġurisdizzjoni Maltija waħda sigura u ideali, u l-Kaptan qal li l-indikazzjoni hi li s-suċċess se jissokta.
Spjega, “Li nixtiequ li nibqgħu sejrin b’dar-ritmu li nuru lill-Ewropa li aħna ġurisdizzjoni fejn aħna tista’ tiġi hawnhekk, tiftaħ business u jkollok is-serħan il-moħħ li l-ġurisdizzjoni hija tajba.”