Waqt mumenti ta’ sfida, il-poplu qed isib Gvern li jagħti stabilità li fuqha qed nibnu ġejjieni sabiħ.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru, Robert Abela, f’attività politika fiċ-Ċentru Laburista ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Il-Prim Ministru tkellem dwar l-istabilità ekonomika u soċjali li qed joffri l-Gvern minkejja sfidi internazzjonali kbar.
Dr Abela stqarr kif pajjiżna qed ikompli jibdel il-miri ekonomiċi, f’riżultati.
Qal, “Sa din il-ġimgħa kellna lill-Fond Monetarju Internazzjonali li jikkomferma dan fost l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Ewropa sħiħa. Miri li jfissru l-inqas rata ta’ qgħad li qatt kellu dan il-pajjiż, seba’ darbiet inqas minn dak li kellna fl-2013.”
Il-Prim Ministru semma l-investiment li qed isir minn kumpaniji lokali, u kif dan is-sentiment jixhduh ukoll l-imsieħba soċjali, li qed jinkoraġġixxu lill-Gvern ikompli jaħdem f’din id-direzzjoni.
Qal, “Imsieħba soċjali illi jiġu madwar il-mejda b’iktar ideat ġodda għal dan il-pajjiż, bil-viżjoni tagħhom għal pajjiżna u hemmhekk fejn il-kuraġġ ma jitwilidtx mid-diskors imma jitwieled mir-realiżmu ta’ dak li qed nesperjenzaw ta’ kuljum.”
Il-Prim Ministru nnota d-differenza bejn is-sentiment ta’ determinazzjoni li qed jimbuttaw l-imsieħba soċjali f’pajjiżna, mad-diskussjoni li għaddejja f’pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea.
Qal, “Għandek fuq livell ta’ diversi ekonomiji t-tema tal-inċertezza. U dik il-kelma, it-tema tal-inċertezza, l-imsieħba soċjali ma jitkellmux dwarha lokalment, u ma jitkellmux dwarha sforz id-deċiżjonijiet iffukati li ħadna bħala Gvern b’mod konsistenti.”
F’Ħaż-Żebbuġ, il-Prim Ministru fakkar kif l-edukazzjoni u l-mobilità soċjali huma żewġ pilastri ewlenin li fuqhom huwa mibni l-moviment Laburista.
Fil-ġimgħa li l-Kabinett tlaqqa’ fl-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli, Dr Abela qal kif il-Kabinett kollu seta’ jisma’ mill-qrib l-aspirazzjonijiet tal-istudenti li għada jibnu karrieri professjonali f’pajjiżna stess.
Qal, “Messaġġ ewlieni li ħareġ mill-Kabinett ta’ dakinhar u dak li ħabbarna wara l-istess Kabinett kienet illi m’aħna lesti li nħallu ebda tifel jew tifla li taqa’ lura.”
Il-Prim Ministru saħaq li quddiem il-ġlied fl-Oppożizzjoni, ikbar ħa tkun ir-responsabbiltà fuqu u fuq il-Gvern li jmexxi, biex il-pajjiż jiġi dejjem l-ewwel.
Dan ukoll billi l-Gvern man-nies, ikompli jindirizza l-isfidi kurrenti u jwieżen lill-familji, filwaqt li joffri stabilità għal ġejjieni sabiħ.