F’kampanja elettorali fejn tmur iddur waħedha ’l bogħod mill-ġurnalisti u bogħod mid-dibattiti ta’ kandidati bħalha tal-Parlament Ewropew, fittxejna u ffaċċjajna lil Roberta Metsola.
Staqsejniha għaliex ma trid tiddibatti mal-ebda kandidati bħalha. U kif, meta baqa’ inqas minn għoxrin jum għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, evitat għal kollox li tpoġġi għal dibattitu.
Qaltilna li qed tiddibatti ma’ kulħadd, anke jekk ma rajniha mkien.
Roberta Metsola: “Kuljum nagħmel, dejjem.”
Naturalment, nafu li ma kinitx qed tgħid is-sewwa, għax saħansitra kixfuha organizzaturi ta’ dibattiti nfushom.
Daniel Attard: “Tikkonfermaw li għamiltu stedina lil Roberta Metsola u tibqa’ tirrifjuta li tiddibatti?”
Jeremy Mifsud Bonnici: “Iva”.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba kien żvela li hu kien mistieden għal dibattiti ma’ Roberta Metsola, iżda wkoll irrifjutat li tattendi. Fost oħrajn kien hemm it-Times of Malta u l-MaltaToday li għamlu din it-tip ta’ stedina.
Anke dibattitu li se jsir mill-Kamra tal-Kummerċ fil-jiem li ġejjin jeskludi lil Metsola, li mbagħad se titkellem waħedha.
Għalhekk bqajna nistaqsu.
U b’wiċċ ta’ min jaf li mhux jgħid is-sewwa, Metsola kompliet tgħidilna li qed tiddibatti. Murija kif mhux minnu, qalet li qed tiddibatti ma’ tal-ONE.
Ġurnalist “Inti għedt li se tiddibatti ma’ kulħadd, madankollu mhu qed tiddibatti ma’ ħadd. Minn xiex qed taħrab?”
Roberta Metsola – “Miegħek qed niddibatti.”
Pożizzjoni simili għal ta’ Metsola qed jeħodha David Casa, li wkoll s’issa għadu ma ddibatta ma’ ħadd.
Metsola u Casa qed jaħdmu l-kampanja flimkien, b’Metsola tgħid li t-tieni preferenzi tagħha għandhom imorru għand Casa. Anke fl-attivitajiet varji qed jagħmlu ovvju dan l-istil.