Il-ġurnal influwenti Politico kompla jikkritika bl-aħrax il-ġiri u l-manuvri mit-tmexxija tal-Parlament Ewropew biex iċ-chief of staff tal-President tal-Parlament, Roberta Metsola, jingħata malajr l-aktar kariga amministrattiva ta’ setgħa f’dik l-istituzzjoni Ewropea.
“Waqt li l-biċċa l-kbira tal-Ewropa tinsab iffukata fuq kif se tindirizza l-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija, it-taqlib ċivili, u l-kollass ekonomiku, il-Bureau tal-Parlament huwa ffukat fuq affarijiet li jħallulu ferm aktar qligħ: karigi komdi,” qal il-ġurnal, meta dalgħodu kompla jirrapporta dwar is-saga li ilha l-ġimgħat għaddejja fi Brussell biex l-id il-leminija ta’ Metsola, it-Taljan Alessandro Chiocchetti, jiġi installat bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Parlament Ewropew.
Il-ġurnal irrapporta dwar kif il-Bureau tal-Parlament Ewropew – li hu magħmul mill-President, Roberta Metsola, l-14-il deputat tagħha u ħames membri oħra – qed jgħaġġel kemm jiflaħ biex iwettaq ftehim li sar wara bibien magħluqa biex il-pjan dwar Chiocchetti ikun jista’ jseħħ.
Dan il-ftehim minn taħt, li qanqal kritika qawwija ta’ nepotiżmu kemm minn ġol-Parlament Ewropew innifsu kif ukoll minn barra minnu, jinvolvi li ċ-chief of staff ta’ Metsola jieħu l-aktar kariga mħallsa tajjeb fil-Parlament bl-appoġġ tal-Grupp tax-Xellug fil-Parlament. Bi tpattija, esponenti tal-Grupp tax-Xellug għandhom jingħataw l-ogħla karigi f’direttorat ġenerali ġdid fjamant li allegatament inħoloq apposta.
Il-ġurnal qal li kiseb kopja tal-aġenda tal-ewwel laqgħa tal-Bureau tal-Parlament wara l-btajjel tas-sajf, li se ssir nhar it-Tnejn, u l-ewwel punt għad-diskussjoni huwa “Affarijiet relatati mal-Istaff”, li naturalment ifisser il-proċess tal-għażla tas-Segretarju Ġenerali l-ġdid.
Il-ġurnal ikkwota riżoluzzjoni li kien għadda l-Parlament Ewropew fl-2018, li tisħaq fuq l-importanza kbira tat-trasparenza fil-ħatra ta’ pożizzjonijiet għoljin bħal dik ta’ Segretarju Ġenerali. Din ir-riżoluzzjoni tgħid li dawn il-ħatriet għandhom isiru indipendentement minn ħatriet oħrajn, biex jiġu evitati suspetti ta’ ftehimiet mhux trasparenti jew kompromessi bbażati fuq tagħrif privileġġjat.
F’din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament kien appella wkoll lill-istituzzjonijiet u entitajiet tal-Unjoni Ewropea biex iwaqqfu l-prattika li nies jiġu installati f’pożizzjoni jew oħra, għax dan jista’ jkun ta’ dannu għall-proċeduri u b’hekk ipoġġi f’riskju l-kredibbiltà tal-UE. Ir-riżoluzzjoni tal-PE tisħaq ukoll li l-inflwenza politika m’għandhiex timmina l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Istaff tal-Unjoni.
Dik ir-riżoluzzjoni l-Parlament Ewropew kien għaddiha fid-dawl tal-manuvri li kienet qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea biex dak li kien iċ-chief of staff tal-eks President tal-Kummissjoni, Jean Claude Juncker, jiġi installat bħala s-Segretarju Ġenerali tal-istess Kummissjoni.
“Fl-2018, il-Parlament ċanfar lill-Kummissjoni għal dak li rrefera għalih bħala abbuż. Min kienet tgħaddilu minn rasu dakinhar li l-President tal-Parlament stess ‘’il quddiem kienet se tkun trid tinstalla lil xi ħadd minn tagħha f’pożizzjoni għolja u jkollha tibla’ dan il-kliem?”
Intant, l-unika applikazzjoni li daħlet għall-kariga ta’ kap tad-direttorat ġenerali li nħoloq bħala parti mill-ftehim li sar wara bibien magħluqa, kienet ta’ Sanna Lepola, l-ogħla uffiċjal tal-Grupp tax-Xellug. Dan ifisser li, dment li l-ftehim ma jisfaxxax, il-kariga se teħodha hi. Iżda, jirrapporta l-Politico, il-bieraħ waqt laqgħa interna tal-Grupp tax-Xellug xi membri parlamentari Ewropej anzjani tal-Grupp talbu lir-rappreżentant tagħhom fil-Bureau tal-Parlament biex jabbanduna l-ftehim li sar minn taħt.
Il-ġurnal influwenti Ewropew jirrapporta li jidher li, meta saret taf b’dan l-intopp żgħir għat-twettiq tal-pjan biex iċ-chief of staff tagħha jitpoġġa fl-ogħla kariga amministrattiva tal-Parlament, Roberta Metsola sejħet lil dan ir-rappreżentant biex jitkellmu.