Skont stħarriġ li sar minn EY, jirriżulta li l-kumpaniji kollha fl-Unjoni Ewropea, li qed jantiċipaw żieda fil-prezzijiet, huma determinati li jgħaddu almenu biċċa mill-piż fuq il-klijenti tagħhom.
Dan kompletament bil-maqlub tas-sitwazzjoni f’Malta, fejn il-Gvern qed ikompli jsostni l-appoġġ qawwi tiegħu biex iżomm il-prezzijiet stabbli għall-poplu Malti u Għawdxi.
U wara li għal dawn l-aħħar sentejn issussidja l-prezzijiet kollha tal-elettriku, il-fuels u l-gass, minn dan ix-xahar daħal fis-seħħ it-tielet patt soċjali għal stabbiltà fil-prezzijiet ta’ madwar erba’ mija u ħamsin prodott essenzjali tal-ikel sa mill-inqas Ottubru li ġej.
L-istħarriġ ta’ EY, li ġie ppubblikat l-Erbgħa, sar fost il-kapijiet eżekuttivi tal-kumpaniji u r-riżultati tiegħu mistennija jnaffru iżjed lill-Banek Ċentrali fiż-Żona Ewro fejn l-esperti finanzjarji għadhom qed jieħdu lura l-kontroll tal-inflazzjoni storika li laqtet lill-Unjoni Ewropea kollha fl-aħħar żminijiet.
Tali għoli tal-ħajja, li skont il-Banek Ċentrali, ukoll kien affettwat minn żidiet eċċessivi preċedenti mill-istess kumpaniji.
Issa aktar minn nofs il-kapijiet eżekuttivi qed jistennew li l-ispejjeż tal-kumpaniji li jirrappreżentaw mistennija jiżdiedu din is-sena, b’aktar minn erbgħa minn kull ħamsa jgħidu li qed jippjanaw li jgħaddu mill-inqas nofs l-ispiża addizzjonali fuq il-konsumaturi.
Il-Bank Ċentrali Ewropew ilu josserva mill-qrib dak li ġie mlaqqam bħala “regħba tal-inflazzjoni”, “greedflation”, waqt li qed jiddeċiedi meta biħsiebu jibda jnaqqas ir-rati tas-self.
Bl-Ewropa qrib ħafna ta’ riċessjoni, l-esperti finanzjarji qed jistennew li l-kumpaniji jnaqqsu l-profitti esaġerati tagħhom biex l-għafsa ta’ prezzijiet dejjem jiżdiedu ma tibqax tiżdied fuq il-konsumaturi.
F’pajjiżna, bil-maqlub, il-Gvern, permezz tal-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, irnexxielu jasal fi ftehim ma’ importaturi, supermarkets u ħwienet tal-merċa biex inaqqsu mijiet ta’ prodotti essenzjali b’mill-inqas ħmistax fil-mija fuq il-prezz li kellhom f’Ottubru li għadda u jibqgħu stabbli sat-tħabbira tal-baġit li jmiss.
Il-Prim Ministru Robert Abela wkoll tenna li, jekk ikun hemm il-ħtieġa, ma jeskludix li dan il-patt soċjali jiġi estiż wara dakinhar.